Internazzjonali

COVID-19: L-Ungerija żżid is-sigurtà mal-fruntieri għall-Istati li jiffurmaw parti minn ‘lista ħamra’

L-Ungerija qed tissikka s-sigurtà mal-fruntieri tagħha u għandha tevita movimenti lejn artha minn barranin li ġejjin minn pajjiżi li qed jiffurmaw parti minn ‘lista ħamra’ ta’ Stati meqjusin li għandhom element kbir ta’ sogru f’din il-kriżi tal-coronavirus.

Gergely Gulyas, il-Kap tal-Istaff tal-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, qal li l-awtoritajiet f’Budapest huma determinati li jżidu l-miżuri ta’ prekawzjoni minħabba ‘is-sinjali inkwetanti’ ta’ żidiet fl-ammont tal-infezzjonijiet fl-Istati ġirien, fl-Ewropa u madwar id-dinja.

L-Ungerija qed tikkategorizza lill-pajjiżi fi tliet listi – lista għall-Istati ħomor, lista għall-Istati meqjusin bħala ‘sofor’ u lista oħra għall-pajjiżi ‘ħodor’, dejjem skont l-element ta’ periklu meqjus mill-Covid-19.

Il-‘lista ħamra’ tinkludi l-pajjiżi kollha tal-Afrika u l-Asja, minbarra ċ-Ċina u l-Ġappun.

Il-pajjiżi Ewropej fuq il-lista huma l-Albanija, il-Bosnia-Erżegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kosovo, il-Belarus, Montenegro u l-Ukrajna.

Iċ-ċittadini Ungeriżi li qed jirritornaw mill-hekk-imsejħa ‘pajjiżi l-ħomor’ iridu jkunu suġġetti għal eżami li tindika jekk għandhomx il-virus jew le – u fejn, anki, iridu jgħaddu minn erbatax-il jum konsekuttivi.

Il-miżuri ġodda tas-sigurtà fl-Ungerija mistennija jidħlu fis-seħħ minn nhar l-Erbgħa.

L-aħħar ċifri globali qed jindikaw ‘il fuq minn 12.7 miljun każ ta’ infezzjoni madwar il-pajjiżi, b’565,000 mewta sussegwenti.

Sadanittant, il-kriżi tal-Covid-19 kompliet tirranka fl-Indja li reġgħet rat qabża ta’ infezzjonijiet li żdiedu għal aktar minn 820,000.

Fi tmiem il-ġimgħa, il-belt kapitali tal-Ġappun, Tokjo, irrappurtat 206 każ ġdid tal-coronavirus għal perjodu ta’ 24 siegħa. Din kienet ir-raba’ ġurnata konsekuttiva li Tokjo rappurtat ‘il fuq minn 200 każ ġdid tal-Covid-19.

Sadanittant, eluf ta’ Iżraeljani ħarġu jipprotestaw fit-toroq ta’ Tel Aviv fost kundanna għall-mod kif il-Gvern ta’ Iżrael ħa ħsieb il-kriżi tal-coronavirus.

Ħafna Iżraeljani qegħdin ibatu minn problemi ekonomiċi u jinsabu speċjalment irrabjati għall-miżuri li ttieħdu fir-rigward tal-coronavirus li laqtu partikularment ħażin lin-negozji tagħhom. Id-dimostrazzjoni f’Tel Aviv (Iżrael) kienet organizzata mis-sidien tan-negozji ż-żgħar u l-ħaddiema self employed waqt li ħadu sehem ukoll il-membri responsabbli mill-produzzjonijiet artistiċi.

Sadanittant, rapporti mir-Renju Unit qalu li l-Professur Robin Shattock, li qed imexxi r-riċerka għal vaċċin kontra l-Covid-10 fl-Imperial College ta’ Londra, ammetta li hemm ftit li xejn possibbiltà li l-vaċċin ikun lest sa Settembru,   bħalma kienu qed jittamaw xi ministri fil-Gvern ta’ Londra.

Fi Spanja,  ir-residenti ta’ Galicia u r-reġjun tal-Baski qed jivvutaw fl-elezzjonijiet regjonali minkejja inċidenzi ġodda lokalizzati tal-Covid-19. Il-votanti qed iżommu strettament mal-kriterji tas-sigurtà li kienu jinkludu l-ilbies tal-maskri f’kull ħin u ħasil tal-idejn bis-sanitizers.

Il-prekawzjonijiet tas-saħħa addizzjonali wasslu għal sriebet twal ta’ nies jistennew barra l-postijiet tal-votazzjoni. L-elezzjonijiet inkwistjoni kienu ilhom posposti minn April minħabba l-pandemija u huma l-ewwel fi Spanja mindu l-awtoritajiet lokali bdew inaqqsu l-kundizzjonijiet tal-lockdown li kien fost l-aktar riġidi mill-pajjiżi kollha tal-Ewropa.

Intant, il-belt ta’ Bilbao, li hi l-akbar belt fir-reġjun tal-Baski, żiedet il-postijiet tal-votazzjoni b’25 fil-mija bil-għan li taċċerta l-ħarsien tad-distanzi soċjali.