Festi Knisja Kultura Lokali

Ħolma mwettqa għall-Pawlisti wara 65 sena

Il-Ġimgħa twaqqfet it-Tribuna tal-Bażilika ta' Kristu Re

Il-Pawlisti nhar il-Ġimgħa li għaddiet bi kburija wettqu ħolma li ilha tberren minn tal-anqas 65 sena hekk kif twaqqfet it-tribuna fuq il-presbiterju tal-Bażilika l-ġdida ta’ Kristu Re.

Kien fl-1955 meta tqabbad Romeo Ceccotti biex iħejji disinn tat-tribuna sabiex tressaq rikors il-Kurja u kien ġie approvat fl-1968. Sfortunatament, minħabba restrizzjonijiet finanzjarji, dan il-proġett ambizzjuż qatt ma immaterjalizza.

Ritratt: Wayne Bonello

Iżda bit-tħabbrik tal-Kappillan attwali tal-Parroċċa ta’ Kristu Re, il-Kanonku Marc Andre Camilleri, u l-parruċċani Pawlisti, sentejn ilu bdew jaħdmu biex iwettqu l-ħolma ta’ missirijiethom:

Imma eventwalment, nirringrazzjaw ‘l Alla anki għall-benefatturi li kellna, irnexxielna nagħmlu dan din is-sena. Is-simboliżmu huwa wieħed sabiħ ħafna għax ifakkarni fit-tinda tal-preżenza t’Alla, li nitkellmu fuqha fit-Testment l-Antik, il-post fejn Alla għoġbu jgħammar mal-poplu tiegħu. Fin-naħa ta’ fuq tat-Tribuna ikun hemm dejjem insibu x-xbieha tal-Ispirtu s-Santu, ifakkarna kif dak li jkun qed iseħħ fuq l-artal ikun qed isir bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, iġifieri il-ħobż u l-inbid ikun qed jinbidel fil-ġisem u d-demm ta’ Sidna Ġesù Kristu. Dak is-simboliżmu narawh jagħti sinifikat aktar qawwi u aktar viżiv waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.”

Biex jitkabbar id-disinn oriġinali tat-tribuna u jieħu ħsieb id-dekorazzjoni tagħha, kien tqabbad l-artist Għawdxi, Manuel Farrugia. L-irħam, Bianca di Carrara u Rosso di Francia, inħadem għand il-marmisti Ama Marmi ta’ Carrara filwaqt li l-bronz kollu tas-saqaf ġie fondut fil-funderija Domus Dei ta’ Ruma.

Ritratti: Ħbieb tat-Tempju Bażilika Kristu Re Paola Malta

Kull kolonna tal-irħam tiżen 2 tunnellati u nofs, b’pedament ta’ 7 metri-il wieħed filwaqt li s-saqaf tal-bronż kważi jiżen 8 tunnellati.

Fid-dekorazzjoni f’kull faċċata, wieħed isib l-armi ta’ San Piju X, li waqqaf il-parroċċa bħal-lum 110 snin ilu, tal-Papa Piju XI, li waqqaf il-festa ta’ Kristu Re, tal-Papa Franġisku, li eleva l-Knisja għall-Bażilika, u tal-Arċisqof Charles Scicluna, li laqa’ t-talba tal-Pawlisti u beda l-proċess biex il-Knisja ssir Bażilika s-sena l-oħra.

Ritratti: Ħbieb tat-Tempju Bażilika Kristu Re Paola Malta

Dwar dan, il-Kanonku Marc Andre Camilleri tana aktar tagħrif fuq il-proċess u fuq iċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-kisba:

Saret it-talba lill-Kongregazzjoni tal-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti f’Ruma. Ġie s-Segretarju tal-Kongregazzjoni biex jara u jeżamina l-Knisja. Ġie kumpilat dossier, b’ġabra ta’ informazzjoni fuq il-Knisja, li ntbagħatilhom ukoll u din it-talba ntlaqgħet f’Ħadd il-Palm, ta’ din is-sena, il-Ħadd 4 t’April. Intgħażel propju nhar Ħadd il-Palm biex jiġi ffirmat id-digrat minħabba r-rabta li hemm bejn il-Festa ta’ Ħadd il-Palm u l-persuna ta’ Kristu Re. Il-festeġġjamenti ovvjament huma limitati ħabba ċ-ċirkostanzi. Nhar il-Ħadd 26 ta’ Lulju se ssir quddiesa solenni fis-6 ta’ filgħaxija mill-Arċisqof li matulha, huwa jaqra d-digriet li biha l-Knisja tiġi mgħollija għad-dinjità ta’ Bażilika u l-Arċisqof se jbierek ukoll it-tribuna.”

Iċ-ċelebrazzjonijiet imbagħad jintemmu bil-Purċissjoni bil-Vara Titulari ta’ Kristu Re, akkumpanjati biż-żewġ baned tal-Parroċċa.

Ritratt: Wayne Bonello