Bosta Ġiljaniżi l-Ħadd filgħodu stembħu maħsuda bl-aħbar li ħajjet waħda minn fosthom inħatfet f’waqt bla mistenni.
Dan wara li mara tilfet ħajjitha traġikament f’darha stess wara li r-residenza tal-vittma, li ġiet identifikata bħala Anna Spiteri ta’ 68 sena, nbelgħat min-nirien.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5 tal-Ħadd filgħodu, f’Wesgħa Agostino Savelli, f’San Ġiljan. Uffiċjali tal-Pulizija tad-Distrett flimkien ma’ Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru mill-ewwel fil-post fejn bdiet minnufih l-operazzjoni tat-tifi tan-nar u dik ta’ salvataġġ.
Madanakollu hekk kif in-nirien ġew ikkontrollati u l-membri ta’ salvataġġ irnexxielhom jidħlu fir-residenza, sfortunatament sabu lil Spiteri bla ħajja biswit il-gallarija msaqqfa, kawża tan-nirien,
Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li fil-ħin tal-inċident il-mara kienet tinsab waħedha fir-residenza. Kelliema qrib l-investigazzjoni tkellmu ma Net News fejn spjegaw li jidher li l-mara provat tifrex ‘il barra minn darha madanakollu qalb in-nirien u dħaħen qawwija sfortunatament kien kollu ta’ xejn.
Dan filwaqt li sorsi qrib l-investigazzjoni stqarrew ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet li l-fjammi qawwija tkebbsu minn sigarett.
Bosta qraba u ġirien esprimew il-ħasda u d-dispjaċir tagħhom għat-telfa għallarrieda tal-anzjana. Huma ddeskrivewha bħala mara b’qalb tad-deheb li dejjem kienet tkun bi tbissima fuq fommha.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta li ġiet appuntata filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
