Il-poplu Pollakk qed jivvota fit-tieni rawnd tal-elezzjoni għall-Presidenza tal-pajjiż, b’dan il-vot qed jitqies bħala battalja għall-futur tal-pajjiż kif ukoll għar-relazzjonijiet ta’ Varsavja mal-Unjoni Ewropea li ilhom għaddejjin minn kriżi.
L-elezzjoni deċiżiva tinvolvi konfront dirett bejn il-President Pollakk attwali, Andrzej Duda u s-Sindku liberali ta’ Varsavja, Rafal Trzaskowski.
L-osservaturi qablu li rebħa għal Duda għandha ‘tkompli tbiegħed il-Polonja mill-politika stabbilita tal-UE’. Minbarra dan, suċċess għal Duda f’din l-elezzjoni mistenni jwitti t-triq għall-bidliet kontroversjali għall-ġudikatura tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, Rafal Trzaskowski mexxa kampanja li bbażat fuq aġenda aktar progressiva u fejn qed jappoġġja rwol aktar attiv għall-Polonja fl-UE.
Andrzej Duda kien mar l-aħjar fl-ewwel rawnd tal-votazzjoni iżda minkejja l-vantaġġ konvinċenti hu ma kisibx il-50 fil-mija biex jaċċerta minn mandat ġdid.
Fl-aħħar sigħat, Trzaskowski kien qed jittama li jikseb l-appoġġ tas-sezzjoni tal-elettorat li fl-ewwel rawnd ivvutat għall-kandidati l-oħrajn li spiċċaw eliminati.
Filwaqt li l-President Duda hu alleat tal-Partit għal-Liġi u Ġustizzja (PiS) fil-Gvern, rebħa għall-Oppożizzjoni f’din l-elezzjoni kapaċi tiftaħ għal bidliet kbar fil-politika tal-Polonja.
//= $special ?>