Duncan Buttigieg, priġunier residenti fil-Ħabs ta’ Kordin, għaddej minn mumenti diffiċli hekk kif ma jistax jikkura kundizzjoni medika li għandu għaliex minħabba li nqatagħlu d-dħul finanzjarju li kellu, issa spiċċa ma jistax jixtri l-mediċini li għandu bżonn.
Duncan Buttigieg għamel kuntatt ma’ il-mument u tkellem fit-tul dwar dak li għaddej minnu fil-Ħabs ta’ Kordin. Qalilna li minkejja d-diversi tentattivi li għamel biex jitkellem mad-Direttur tal-Ħabs il-Kurunell Alex Dalli, dan sa issa dejjem injora t-talbiet li sarulu u qatt ma għoġbu li jisma’ l-karba tiegħu. Lil hinn minn hekk l-istess Direttur tal-Ħabs anqas biex indenja ruħu jagħtih rikonoxximent għat-talbiet li għamillu biex jisma’ l-każ tiegħu.
Duncan Buttigieg, invista ta’ dan kollu u permezz tal-Avukat tal-Għajnuna Legali, issa wasal biex kiteb lill-Ombudsman biex iressaq il-każ tiegħu fejn hu qiegħed isostni li t-Tmexxija tal-Ħabs qed timxi fil-konfront tiegħu b’mod inuman għall-aħħar tant li hu mhux jitħalla jikkura kif jixtieq il-kundizzjoni medika tiegħu.
Duncan Buttigieg qal li hu kien residenti f’Diviżjoni Tnejn fejn għamel ħames snin u kien jagħmel xogħol ta’ immuntar ta’ pupi. Għal dan ix-xogħol hu kien idaħħal ammont ta’ flus b’mod regolari u invista tal-kundizzjoni medika li għandu, seta’ jixtri l-mediċini li kellu bżonn bħala mezz ta’ kura.
Ftit tal-ġimgħat ilu hu kien trasferit għal Diviżjoni Sbatax u f’daqqa waħda spiċċalu x-xogħol li kellu bir-riżultat li d-dħul li kellu waqaflu ħesrem.
Mistoqsi għaliex minn Diviżjoni Tnejn kien trasferit għal Diviżjoni Sbatax li hi ta’ massimu sigurtà, Duncan Buttigieg enfasizza li safejn jaf hu ma naqas lil ħadd u ma għamel xejn ħażin.
“Niftakar biss li f’jum partikulari ġie l-Gwardjan u qalli biex nippakkja kollox għaliex kienu se jeħduna f’Diviżjoni oħra. Jien ippakkjajt kollox u f’ħin bla waqt spiċċajt f’Diviżjoni Sbatax. Staqsejthom għaliex kienu ttrasferewni u ħadd ma tagħni l-iċken sodisfazzjon.
“Imbagħad irrealizzajt li kienu waqqfuli wkoll ix-xogħol. U allura spiċċajt bla ebda dħul. Issa jien għandi kundizzjoni medika fejn regolarment irrid nixtri l-mediċini. Fl-aħħar ġimgħat stajt nixtri dawn il-mediċini għaliex għenuni finanzjarjament numru ta’ persuni li ħallsuli huma għall-mediċini li kelli bżonn,” qal Duncan Buttigieg iddisprat.
Hu kompla li jinsab f’sitwazzjoni tassew ta’ tensjoni. Ma jafx kif se jixtri l-mediċini għaliex m’għandu l-ebda dħul. Familjari m’għandux. Irid joqgħod jittallab.
Duncan Buttigieg, li qed jiskonta sentenza dwar frodi u fadallu għadd ta’ snin oħra fil-Ħabs, qalilna li ma jafx fejn se jaqbad jagħti rasu.
“Id-Direttur tal-Ħabs u t-Tmexxija tal-Ħabs jimxu magħna b’mod inuman għall-aħħar. Flok jaraw xi bżonnijiet ikollna, litteralment jistmgħuna qisna xi annimali. Anqas biss jisimgħu l-karba tagħna.”
Duncan Buttigieg temm jappella lill-awtoritajiet konċernati biex janalizzaw ftit x’qed jiġri tassew fil-Ħabs ta’ Kordin fejn bosta huma dawk il-priġunieri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ disperazzjoni mhux għaliex jinsabu fil-Ħabs u allura mċaħħda mil-libertà, imma għaliex huma stmati ħażin ħafna.
“Jien jekk ma għandi l-ebda dħul kif nista’ nixtri l-mediċini? Kif nista’ nikkura lili nnifsi? Id-Direttur tal-Ħabs il-Kurunnell Alex Dalli anqas din il-karba ma hu kapaċi jisma’!”
Kif ma hux kapaċi jisma’ wkoll il-karba ta’ Gwardjani tal-Ħabs li qed ikunu kostretti jagħmlu sigħat twal ta’ xogħol għaliex hemm nuqqas ta’ Gwardjani fil-Ħabs. Gwardjan partikulari qal li hu jinsab fiżikament għajjien ħafna għar-raġuni li ta’ kull ġimgħa qed ikollu jagħmel mhux biss il-ġimgħa tax-xogħol tiegħu, iżda ħafna sigħat oħra biex hekk ta’ kull ġimgħa qed jagħmel medja ta’ tmenin siegħa xogħol.
Dwar dan kollu l-Gwardjani tkellmu kemm-il darba, iżda d-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli qed jiġi jaqa’ u jqum u mhux jindirizza din il-problema kbira li għandhom.
Il-Gwardjan li tkellem ma’ il-mument qalilna wkoll li l-istress fost il-Gwarjdani tal-Ħabs hu kbir ħafna u “jekk se nibqgħu sejrin hekk fl-aħħar żgur li se jweġġa’ xi ħadd minna.”
//= $special ?>