Futbol Sport

Rimonta fit-tieni taqsima minn Bournemouth

(Ritratt: EPA)

Bournemouth kisbu tliet punti importanti fil-ġlieda tagħhom kontra r-relegazzjoni meta għelbu lil Leicester City 4-1. It-tim ta’ Brendan Rodgers fetaħ l-iskor fit-23 minuta meta minn żball tad-difiża ta’ Bournemouth kien JAMIE VARDY li aprofitta u għamilhom 1-0. Bournemouth ġabu d-draw fis-66 minuta meta KaSper Schmeichel żbalja l-kick tiegħu bil-ballun jiġi għand Wilson li twaqqa’ fil-kaxxa minn Ndidi bir-referee jordna penalty li minn ħdax –il metru JUNIOR STANISLAS ma żbaljax.

Żewġ minuti wara it-tim ta’ Eddie Howe rdoppja din id-darba permezz ta’ DOMINIC SOLANKE li skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Premier League. Leicester spiċċaw jilagħbu b’għaxar plejers meta wara l-gowl ta’ Solanke, Caglar Söyüncü ta daqqa ta’ sieq lil Wilson bir-referee jkeċċi lit-Tork.

Bournemouth issiġillaw ir-rebħa fit-82 minuta meta x-xutt ta’ STANISLAS kien devjat minn Evans u qarraq għal kollox bi Schmeichel. SOLANKE aprofitta minn żball ieħor fid-difiża ta’ Leicester biex għamilhom 4-1.

Premier League

Illum: Wolves v Everton 3-0, Aston Villa v C. Palace 2-0, Tottenham v Arsenal 2-1, Bournemouth v Leicester 4-1 Għada: Manchester United v Southampton 9.00 pm