Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, libes maskra tal-wiċċ fil-pubbliku għall-ewwel darba mill-bidu tal-pandemija tal-coronavirus f’pajjiżu li hu l-aktar pajjiż tad-dinja li qed jirrapporta każi allarmanti u konsistenti ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 minn ġurnata għall-oħra.
Trump libes il-maskra waqt li kien qed iżur iżur lill-membri tal-militar midruba u l-ħaddiema tas-saħħa li qed jiffaċċjaw il-kriżi tal-Covid-19 fil-Walter Reed National Military Medical Center f’Bethesda, fl-Istat ta’ Maryland.
Min-naħa tiegħu, Trump – li kemm il-darba ħareġ b’kummenti kontroversjali dwar il-Covid-19 – qal li hu ‘qatt ma kien kontra l-ilbies tal-maskri’ għalkemm jemmen li ‘hemm żmien u ċirkustanzi speċifiċi għal meta għandhom jintlibsu’.
Il-President Amerikan, qabel, kien qal li ‘ma kellux jilbes maskra’ filwaqt li rredikola lil Joe Biden – il-kandidat tal-Partit Demokratiku li qed jisfidah għall-White House – minħabba li hu (Biden) dejjem jieħu ħsieb din il-prekawzjoni.
Madankollu, Trump qed jidher li bidel il-ħsieb wara li l-Istati Uniti, fi tmiem il-ġimgħa, irreġistrat 66,528 każ ġdid tal-coronavirus għal perjodu ta’ 24 siegħa u li hu rekord ta’ infezzjonijiet ( fil-perjodu speċifikat) għal kull żmien.
Diversi rapporti suġġerew li l-uffiċjali ma’ Trump ħeġġewh diversi drabi biex jilbes maskra fil-pubbliku u meta hu kważi dejjem żamm lura minn din il-prattika.
L-aġir ta’ Trump ‘kontra l-maskri’ kien ilu evidenti mindu l-US Centers for Disease Control (CDC), f’April, beda jirrakkmanda li n-nies jilbsu l-maskri fil-pubbliku biex iwaqqfu l-firxa tal-Covid-19 – u fejn il-President Amerikan kien għamilha ċara li ‘ma kellux isegwi dan il-parir’.
//= $special ?>