Atletika Sport

Thea Grech tiddomina bi tliet rebħiet fil-kompetizzjonijiet għaż-żgħażagħ tal-MAAA

(Ritratt: Wally Galea)

Fit-trakka tal-atletika Matthew Micallef St John is-Sibt kienet ċelebrazzjoni ta’ ferħ għal 121 atleta fil-kategoriji ta’ taħt it-12, l-14 u s-16-il sena. Għal ftit minnhom, speċjalment fil-kategorija ta’ taħt it-12 –il sena, kienet l-ewwel esperjenza kompetittiva f’dan l-isport, filwaqt li għal oħrajn kienet ġurnata importanti għall-futur sportiv u edukattiv tagħhom hekk kif setgħu jilħqu l-istandards meħtieġa għall-Iskola Nazzjonali tal-Isport.


Kienet ġurnata memorabbli għal Thea Grech fil-kategorija ta’ taħt it-12 –il sena li kisbet tliet rebiet konvinċenti fis-60 metru, fit-300m u fil-ball throw. Hija spiċċat ukoll it-tieni fil-long jump, wara Kristina Azzopardi ta’ Pembroke Athleta.


L-aqwa riżultat ta’ Thea nkiseb fil-ball throw, b’18.22 metru, kważi metru aktar mill-istess Kristina. Il-prestazzjonijiet eċċellenti ta’ Thea kienu bla dubju ta’ sodisfazzjon kbir għall-familjari u l-kowċ tagħha Jeremy Spiteri.
Jake Vassallo u Hector Rivier ta’ Pembroke qabżu id-29 metru fil-ball throw b’29.52 u 29.24 rispettivament. Riżultat tajjeb ħafna mill-istess tim inkiseb ukoll minn Elai Borg, b’doppjetta fil-long jump b’distanza ta’ 4.09m u fit-300 m kisbu 47.44 s.


Fil-kategorija ta’ taħt l-14 –il sena, il-100 metru ntrebħet minn Thomas Grech, ħu Thea, ta’ La Salle, b’sieħbu Andra Incorvaja jtemm fit-tieni post b’14.43. Fil-long jump kien hemm dominju ta’ La Salle, b’Lyon Falzon b’ distanza ta’ 4.38m fejn irnexxielu jikseb l-aqwa riżultat.
It-twins Shoemake ta’ Starmax kisbu doppjetta fil-kategorija ta’ taħt l-14 il-sena tat-tfajliet hekk kif Thea daħlet qabel oħtha Bianca fil-100 metru sprint b’13.48 kontra 13.56.


Fil-100 metru rġiel ta’ taħt is-16-il sena, Yan Vella ta’ Pembroke Athleta kellu l-aqwa ħin b’12.70 filwaqt li l-istudenta ta’ San Anton Juliette Spina ddominat it-tellieqa tat-tfajliet b’ħin ta’ 13.51.
Fil-Long Jump Kyran Farrugia ta’Rush u Yan Vella ta’ Pembroke kienu biss ftit ċentimetri bogħod b’4.98 u 4.95 rispettivament. Għall-kuntrarju il-kompetizzjoni tat-tfajliet ftit kellha storja b’Kay Lee Testa tiddomina b’qabża ta’ 4.79m.


L-aħħar avveniment wassal għal riżultat b’saħħtu ta’ 54.88 sekonda fl-400 metru, miksub minn Matthew Galea Soler ta’ La Salle fil-kategorija ta’ taħt is-16 –il sena li rebaħ b’aktar minn 3 sekondi fuq l-avversarji tiegħu.
Il-President tal-MAAA Andy Grech kien ferm kuntent bir-riżultati kif ukoll bl-entużjażmu ta’ bosta tfal u żgħażagħ.


“Kien sabiħ ferm li nara tant atleti żgħar jagħmlu l-almu tagħhom. Kont ili ma nara daqshekk nies f’dan l-istadium sa mill-Kampjonati Ewropej tat-timijiet organizzati minn Malta fl-2018! Nirringrazzja lill-uffiċjali u l-voluntiera li jgħinuna kull ġimgħa, żgur li mingħajrhom ma stajnix norganizzaw dawn l-avvenimenti għal tant atleti promettenti!”
L-istaġun tal-MAAA jkompli nhar is-Sibt bir-ritorn tal-atleti l-kbar wara waqfa ta’ ġimgħa bl-ewwel Challenge Meeting tal-MAAA kif ukoll bit-tielet Challenge għall-kategorija ta’ taħt is-16 –il sena.