Tliet persuni ġew arrestati grazzi għall-ħidma sfieqa mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga, f’żewġ operazzjonijiet separati.
Fl-ewwel każ, l-arrest seħħ għall-ħabta tal-erbgħa tas-Sibt waranofsinhar wara li segwew karozza li kienet qed tinstaq f’Birżebbuġa misjuqa minn żagħżugħ ta’ 24 sena minn Ħaż-Żabbar.
Malli twaqqaf u saret it-tfittxija fil-vettura, l-uffiċjali sabu ammont konsiderevoli ta’ sustanza suspettata kokaina, raża u ħaxixa tal-kannabis kif ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Huwa ttieħed għal aktar investigazzjonijiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Aktar tard, għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija fejn grupp ta’ persuni kienu qed jiġu osservati max-xatt ta’ Buġibba. Sussegwentament żewġ persuni ġew arrestati; Malti ta’ 33 sena minn Baħar iċ-Ċagħaq u Serba ta’ 32 sena – dan b’suspett li kienu qed jitraffikaw id-droga.
Minn tfittxija li saret, fil-pussess tagħhom instabu diversi tipi ta’ sustanzi suspettużi, allegatament ecstacy, LSD u drogi oħra sintetiċi. Iż-żewġ persuni ttieħdu l-Kwartieri Ġenerali talPulizija għall-aktar investigazzjonijiet.
Biż-żewġ każijiet kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dawn il-każijiet għadhom għaddejjin.
