Futbol Sport

Wolves iżommu it-tamiet li jiksbu post fil-UEFA Champions League ħajjin u rebħa importanti għal Aston Villa

(Ritratt: EPA)

Wolves kisbu rebħa komda f’darhom u żammew it-tamiet tagħhom li jiksbu post fil-UEFA Champions League s-sena d-dieħla ħajjin meta għelbu lil Everton 3-0.

It-tim ta’ Nuno Espírito Santo fetaħ l-iskor ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Lucas Digne deher iwaqqa’ lil Daniel Podence fil-kaxxa bir-referee jordna penalty. Minn ħdax –il metru RAUL JIMENEZ ma’ żbaljax. Wolves komplew kif temmew fl-ewwel taqsima u minuta minn ftuħ it-tieni taqsima, LEANDER DENDONCKER b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Jordan Pickford għat-tieni darba. Wolves aċċertaw mir-rebħa fl-74 minuta meta b’azzjoni personali DIEGO JOTA għamilhom 3-0 wara li rċieva mingħand Ruben Neves.

F’Villa Park, Aston Villa rebħu 2-0 kontra Crystal Palace biex saħħew it-tamiet tagħhom li staġun ieħor isalvaw posthom fil-Premier League. Mamadou Sakho ħaseb li fetaħ l-iskor wara seba’ minuti permezz ta’ daqqa ta’ ras, bir-referee wara konsultazzjoni mal-VAR jħassar il-gowl minħabba li l-ballun deher jaħbat ma’ idejn l-istess Sakho.

Aston Villa fetħu l-iskor fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima meta minn freekick ta’ Hourihane, d-difiża ta’ Crystal Palace naqset milli ttajjar sew bil-ballun jiġi f’saqajn TREZEGUET li b’xutt mal-ewwel ma ta l-ebda ċans lil Guaita. Aston Villa ħasbu li ngħataw penalty fis-47 minuta bir-referee jibdel id-deċiżjoni tiegħu permezz tal-VAR. F’azzjoni simili għall-ewwel gowl, Aston Villa aċċertaw mit-tliet punti b’gowl ieħor ta’ TREZEGUET.