Coronavirus Lokali Qorti Saħħa

Xibka ta’ intriċċi li rriżultat f’koinċidenzi, nuqqas ta’ due diligence u taħwid fil-konċessjoni

Il-bejgħ tat-tliet sptarijiet lil Vitals kuljum qed jiswa kwart ta' miljun ewro mit-taxxi tal-poplu Malti

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika juri t-tħassib immedjat tiegħu għal ftehim li rappreżentanti tal-Gvern allegatament għamlu ma’ numru mill-investituri ta’ VGH qabel ma nħarġet is-sejħa għall-offerti (RfP)… dejjem meta Joseph Muscat kien Prim Ministru u Konrad Mizzi kien Ministru tas-Saħħa.

Għal darba oħra f’din ix-xibka infinita ta’ intriċċi hemm Joseph Muscat u Konrad Mizzi li minn wara dahar il-poplu Malti u Għawdxi għamlu ftehim mal-privat biex biegħu tliet sptarijiet – l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – li huma ferm importanti għal saħħet il-poplu.

Din id-darba magħhom f’din ix-xibka infinita ta’ intriċċi hemm direttament involuti l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u l-eks Ministru Chris Cardona. Magħhom ismijiet oħrajn li sa issa ssemmew ftit li xejn u li forsi llum qed iservu f’oqsma oħrajn.

Oriġinarjament l-aħbar tal-bejgħ ta’ tliet spartijiet ewlenin lill-privat kienet żvelata bħal sajjetta fil-bnazzi f’nofs il-leġislatura li għaddiet hekk kif bdew ifeġġu aħbarijiet li l-Gvern ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi, minn wara dahar kulħadd u mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ ħadd, kien biegħ l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lil Vitals Global Healthcare.

REAZZJONI TA’ ĦASDA FIL-PAJJIŻ

Fil-pajjiż kien hawn reazzjoni kbira ta’ kundanna għal dan il-ġest kodard tal-Gvern li minn wara dahar kulħadd għamel dan il-ftehim li bih tliet sptarijiet ewlenin tal-poplu, insterqu mingħand il-poplu u ngħataw lil privat li fil-fatt ma kellu l-ebda kredenzjali u esperjenza fil-kamp tas-saħħa medika.

Dak kollu li jdawwar dan id-deal jinten spiċċa jkun analizzat u investigat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) wara talba li saret f’dan is-sens mill-UHM Voice of the Workers. L-NAO ippubblika l-ewwel Rapport tiegħu f’dan ir-rigward f’nofs din il-ġimgħa.

Fost l-oħrajn l-Awditur Ġenerali jgħid: “It-tħassib immedjat tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) dwar dan il-ftehim kien li l-ftehim li rappreżentanti tal-Gvern allegatament għamlu ma’ numru mill-investituri ta’ VGH qabel ma nħarġet is-sejħa għall-offerti (RfP).

“Il-koinċidenza bejn dan il-ftehim u l-konċessjoni kienet ċara u ħolqot dubju u tħassib kbir rigward l-integrità tal-konċessjoni eventwali.

“It-tħassib tal-NAO jiżdied fid-dawl tan-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jipprovdi lil dan l-Uffiċċju kopja tal-ftehim. Dan l-Uffiċċju huwa tal-fehma li dan il-ftehim ipprovda raġunijiet għall-iskwalifika ta’ Vitals Global Healtchare Ltd (VGH) mill-RfP.”

RAPPORT MILL-NAO

Dan, fost numru ta’ konklużjonijiet oħrajn li jqanqlu ħafna tħassib, joħroġ mir-Rapport ta’ Verifika ta’ kwistjonijiet relatati mal-konċessjoni mogħtija lill-Vitals Global Healthcare Ltd mill-Gvern: L-ewwel parti: Reviżjoni tal-proċess tas-sejħa għall-offerti.

In-negozjati ma’ Vitals Global Healtchare Ltd saru mill-Gvern permezz tal-Ministeru tas-Saħħa meta dan kien jitmexxa mill-eks Ministru Konrad Mizzi li snin wara, mgħobbi ħafna dellijiet ta’ skandli, korruzzjoni u abbużi, spiċċa mkeċċi kemm minn Ministru u anki minn Deputat Mexxej Laburista.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jfisser li hu kien mitlub mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex jivverifika l-konċessjoni mogħtija mill-Gvern lil Vitals Global Healthcare Ltd (VGH) b’rabta mal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech.

Din il-parti tar-Rapport ta’ Verifika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika tiffoka fuq il-proċess ta’ akkwist li wassal għall-għotja tal-konċessjoni lil VGH. Il-kuntratti li daħlu fihom il-partijiet u t-trasferiment eventwali lil Steward Health Care huma indirizzati fit-tieni u t-tielet partijiet, rispettivament, li għad iridu jinħarġu.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika mill-ewwel jibda biex jistqarr lit-tħassib immedjat tal-Uffiċċju f’dan ir-rigward kien il-ftehim li rappreżentanti tal-Gvern allegatament għamlu ma’ numru mill-investituri ta’ VGH qabel ma nħarġet is-sejħa għall-offerti (RfP).

“Il-koinċidenza bejn dan il-ftehim u l-konċessjoni kienet ċara u ħolqot dubju u tħassib kbir rigward l-integrità tal-konċessjoni eventwali. It-tħassib tal-NAO jiżdied fid-dawl tan-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jipprovdi lil dan l-Uffiċċju kopja tal-ftehim. Dan l-Uffiċċju huwa tal-fehma li dan il-ftehim ipprovda raġunijiet għall-iskwalifika ta’ VGH mill-RfP,” jenfasizza -Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika

NUQQASIJIET SINIFIKANTI

L-uffiċċju jissokta li kienu nnotati nuqqasijiet sinifikanti fil-proċessi li wasslu għall-RfP. Id-diviżjoni tas-Saħħa fil-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa (MEH) ma kinitx involuta kif wieħed kien jistenna, bid-diviżjoni tal-Enerġija tmexxi l-proċess minflokha.

Il-Ministeru għall-Finanzi ma kienx ikkonsultat rigward l-iżburżar li kellu jirriżulta mill-konċessjoni, filwaqt li bl-istess mod l-awtorizzazzjoni tal-Kabinett ma kinitx mitluba qabel il-ħruġ tal-RfP.

“Ta’ tħassib akbar f’termini ta’ governanza kien il-fatt li l-ebda awtorizzazzjoni ministerjali ma kienet mitluba jew provduta b’rabta ma’ din il-konċessjoni, li tirriżulta f’xenarju anomalu fejn tliet sptarijiet pubbliċi ngħataw biex jiġu operati minn terzi mingħajr ma ħadd attwalment assuma r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni,” josserva l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

L-istudju tal-fattibbiltà, li kellu jistabilixxi l-bażi għad-deċiżjoni tal-Gvern li jagħti l-isptarijiet, kien nieqes minn kwalunkwe forma ta’ analiżi indipendenti jew ħsieb kritiku. Barra minn hekk, ġew innutati diversi nuqqasijiet fid-disinn tal-RfP, li l-iktar sinifikanti minnhom kienet is-suġġettività tal-kriterji ta’ evalwazzjoni u t-terminu stabbilit għall-konċessjoni li kellu jiġi stabbilit abbażi ta’ analiżi u mhux b’mod arbitrarju.

Għalkemm l-offerta mressqa minn VGH issodisfat il-ħtiġijiet kollha stabbiliti mill-Gvern, dan l-Uffiċċju huwa tal-fehma li l-offerta kienet essenzjalment b’saħħitha fil-forma iżda nieqsa fis-sustanza.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ssokta li ta’ tħassib serju għall-NAO kienet id-dokumentazzjoni sottomessa minn VGH bħala prova ta’ aċċess għal finanzjament. Ittra maħruġa mill-Bank of India li tissanzjona l-finanzjament għall-“Malta Healthcare Projects” u mressqa minn VGH fir-rigward tal-offerta kienet datata 13 ta’ Marzu 2015, jiġifieri, ferm qabel il-pubblikazzjoni tal-RfP fis-27 ta’ Marzu 2015.

“Dan l-Uffiċċju qies dan id-dokument bħala evidenza definita tal-għarfien minn qabel ta’ VGH dwar il-proġett ippjanat u prova tal-kollużjoni mal-Gvern jew mar-rappreżentanti tiegħu.”

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifikauqqasijiet osserva wkoll li nuqqas notevoli oħra identifikati mill-NAO kienu relatati mal-elementi professjonali u tekniċi tal-offerta sottomessa minn VGH.

“Dan l-Uffiċċju nnota li l-esperjenza kummerċjali kkwotata minn VGH ma kinitx attribwibbli lilha, iżda lill-kumpanija holding Oxley Group jew lill-imsieħba strateġiċi tagħha, jew lil sħab li VGH involviet fil-proġett magħha. Madankollu, ta’ min jinnota li l-esperjenza ta’ Oxley Group kienet marbuta l-aktar ma trusts u fondi ta’ investiment fi proprjetà immobbli, il-ġestjoni tal-assi u finanzjament.”

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fisser li kien evidenti li l-perjodi ta’ żmien indikati minn VGH għall-iżvilupp mill-ġdid tal-isptarijiet ma kinux realistiċi, anzi ambizzjużi wisq. Bl-istess mod, il-projezzjonijiet fir-rigward tat-turiżmu mediku kienu ambizzjużi żżejjed, partikolarment meta wieħed jikkunsidra li kien id-dħul previst minn dan is-sors li kellu jagħmel il-proġett fattibbli.

L-offerta minn VGH kienet ivvalutata mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni f’termini tas-saħħa kummerċjali, teknika u finanzjarja tagħha, u l-grad sa fejn din qabżet ir-rekwiżiti minimi li kienu speċifikati fl-RfP.

“Fl-opinjoni ta’ dan l-Uffiċċju, l-evalwazzjoni kienet nieqsa minn analiżi kritika, b’diversi partijiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni sempliċiment ripetizzjoni tal-offerta sottomessa minn VGH,” qal l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

Barra minn hekk, l-NAO jsostni li l-marki assenjati b’rabta mal-element tekniku u dak operazzjonali tal-offerta ma kinux kompletament mistħoqqa. Ta’ tħassib ukoll kienet l-evalwazzjoni tal-Kumitat dwar is-saħħa finanzjarja ta’ VGH, il-kwalifiki professjonali u tekniċi u l-esperjenza ta’ ġestjoni, il-bażi finanzjarji ewlenin li fuqhom kienet tistrieħ il-vijabbilità tal-proġett u paraguni bejn ir-rati proposti mal-ispejjeż kurrenti tal-Gvern.

Għalkemm in-nuqqasijiet identifikati mill-NAO fir-rigward tal-proċess ta’ evalwazzjoni jibqgħu, dawn iridu jiġu kkunsidrati f’kuntest usa’ u ferm aktar sinifikanti relatat mal-integrità tal-proċess kollu tal-akkwist. L-evidenza li tindika azzjoni kollużiva bejn partijiet li aġixxew f’isem il-Gvern mal-investituri ta’ VGH tagħmel il-proċess kollu dubjuż, irrispettivament minn jekk il-proċess kienx konformi mar-rekwiżiti proċedurali u regolatorji.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jsostni li, lil hinn mill-affermazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti amministrattivi u d-determinazzjoni ta’ jekk il-kriterji tekniċi stabbiliti fl-RfP kenux issodisfati u sa liema punt, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-proċess ta’ evalwazzjoni jkun jinkludi element ta’ diliġenza dovuta fuq kull offerent.

“Dan l-Uffiċċju huwa tal-fehma li d-diliġenza dovuta mwettqa mill-Gvern biex tivverifika kwistjonijiet relatati ma’ VGH fil-kapaċità tagħha u fir-relazzjoni miegħu bħala l-offerent ippreferut għat-tmexxija tal-isptarijiet pubbliċi ma kenitx adegwata,” ikkonkluda f’dan l-istadju l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

TITWILA KRONOLOĠIKA

Tajjeb li fl-isfond ta’ dan ir-Rapport, nagħtu titwila b’mod kronoloġiku lejn il-mixja għall-bejgħ ta’ dawn it-tliet sptarijiet lil Vitals minn wara dahar il-poplu li bdiet billi fit-13 ta’ Marzu 2013; fil-Ministeri li għamel Joseph Muscat malli tela’ l-ewwel darba, ir-responsabbiltà għall-Isptar t’Għawdex neħħieha minn idejn il-Ministru ta’ Għawdex.

F’Marzu 2015 il-Gvern jagħmel sejħa pubblika għall-offerti biex kumpaniji privati jimmaniġġjaw u jagħtu s-servizzi fi tliet sptarijiet pubbliċi: San Luqa, Karin Grech u Għawdex.

Fl-20 ta’ Mejju 2015 il-Gvern ħabbar li tliet kumpaniji tefgħu l-offerta.

Fis-27 ta’ Ġunju 2015 il-Gvern iħabbar li għażel lil Vitals Global Healthcare f’din l-offerta.

L-eks-Ministru Konrad Mizzi, dakinhar responsabbli għas-Saħħa u Enerġija, wiegħed investiment ta’ €200 miljun minn Vitals. Wiegħed li l-proġett f’Għawdex kellu joħloq 650 impjieg bil-bini ta’ sptar akut state of the art b’150 sodda għat-turiżmu mediku, 125 sodda mikrijin lill-Gvern u 165 sodda oħra għall-ġerjatrika. Dan il-proġett kellu jfisser ukoll 220 sodda privata fl-Isptar San Luqa kif ukoll 80 sodda oħra għal servizzi ta’ riabilitazzjoni. L-Isptar Karin Grech kellu jinbidel fi sptar pubbliku tal-ġerjatrija bi 320 sodda.

KONRAD MIZZI JINGĦATA S-SAĦĦA

Konrad Mizzi jingħata r-reposnabbiltà ta-saħħa u l-enerġija; żewġ setturi mhux relatati. Għaliex?

Fl-20 ta’ Lulju 2015 Chris Fearne jagħmel il-proġett wieħed tiegħu u jiftaħar li minn tliet snin oħra jibdew jiġu 5,000 turist mediku.

Fil-21 t’Awwissu 2015 The Times tiżvela li lejlet Santa Marija, Vitals akkwistaw avviż legali mill-Gvern li bih ma kellhomx għalfejn joqogħdu japplikaw għall-permessi tal-bini.

Fit-13 ta’Ottubru 2015 kien żvelat mit-Times li dan it-trattament speċjali lil Vitals jista’ jmur kontra r-regoli Ewropej.

Fis-16 ta’ Marzu 2016 il-Gvern jagħmel u-turn fuq dan l-avviż legali.

Mill-ewwel bdew iqumu diversi mistoqsijiet dwar it-track record zero tal-kumpanija u tal-wiċċ tagħha f’Malta, Ram Tumuluri. Il-kumpanija qatt ma wriet l-iċken prova li kellha xi track record imqar minimu fil-qasam tas-saħħa, qalet Claudette Buttigieg.

Fit-8 ta’ Novembru 2015; il-gazzetta Illum tiżvela kif Ram Tumuluri ma kellu ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa u wisq inqas esperjenza ta’ suċċess fin-negozju. L-uniċi rekords taħt ismu kienu dawk relatati ma’ kumpanija jisimha Ayurcare fil-Kanada li kienet ġiet xolta għax kisret il-liġi. Illum żvelat li Ram Tumuluri kien iddikjara falluta l-kumpanija T&V Hospitality, parti minn struttura li kienet qed tmexxi l-lukanda Nita Lake Lodge fil-Kanada, bil-konsegwenza li ma kienx baqa’ Direttur Maniġerjali tal-istess Lukanda.

Tumuluri kien ċaħad li hu mexxa kumpanija li falliet u kien sostna li l-kumpanija kellha biss l-assi trasferiti.

Fis-16 ta’ Marzu 2010, Nikita Lake Lodge, lukanda fil-Kanada, waqgħet taħt maniġment ġdid. Artiklu fuq is-sit ta’ lukandi ‘Hotel Interactive’ irrapporta hekk; “Managing Director, Ram Tumuluri, will head the take-over team and lead the day-to-day operations for the hotel.”

Fl-2014, il-Qorti Suprema tal-British Columbia, provinċja tal-Kanada, tagħmel referenza għal Tumuluri bħala President u Direttur ta’ T&V Inc. li suppost kienet qed timmaniġġja l-lukanda Nikita Lake Lodge u ta’ lukandi oħrajn. Skont is-sentenza tal-Qorti, T&V ta’ Ram Tumuluri kisret diversi obbligazzjonijiet li kellha lejn is-sidien tal-lukandi li kienet qed timmaniġġja.

Ram Tumuluri reġa’ ħa l-kontroll ta’ VGH wara r-riżenji

RAM TUMULURI B’EBDA ESPERJENZA

Kompla joħroġ aktar ċar li Ram Tumuluri ma kellu l-ebda esperjenza fis-settur tas-saħħa. Fis-sentenza tal-Qorti tgħid hekk: ‘Il-kumpanija poġġiet lis-sidien kollha f’riskju sever. T&V…ħassru r-rekords tal-kontijiet u ħadu depożiti mill-karti ta’ kreditu mill-‘bookings’ tal-Milied…”

Sena wara din is-sentenza, fl-2015, Vitals rebħet il-kuntratt biex timmaniġja tliet sptarijiet f’Malta u Ram Tumuluri ħa pożizzjoni prinċipali fil-proġett f’Għawdex. Sussegwentement kien żvelat li Ram Tumuluri hu frodist.

Fil-21 ta’ Novembru 2015 minkejja li Vitals kienet qed titkellem qisha l-isptarijiet tagħha, il-Ministru Chris Fearne f’Dissett jammetti li l-kuntratt kien għadu mhux iffirmat. Ma jikkummentax meta mistoqsi hux se jippubblika l-kuntratt.

F’Marzu 2016 il-Gvern jiffirma l-kuntratt ma’ Vitals, imma ma jippubblikahx. L-Oppożizzjoni insistiet ripetutament li l-Gvern jippubblika l-kuntratt li ffirma ma’ VGH.

Fl-1 ta’ Ġunju 2016 Joseph Muscat ma jiċħadx li Konrad Mizzi ltaqa’ ma’ Vitals saħansitra qabel ma l-Gvern ħareġ l-offerta għall-isptarijiet.

Fit-2 ta’ Ġunju 2016 Chris Fearne jgħid li l-kuntratt ikun ippubblikat f’Novembru li kien imiss, jiġifieri disa’ xhur wara li kien iffirmat. Għalissa ma jgħid xejn kemm se jiċċensura minnu.

Ġunju 2016: l-isptarijiet jgħaddu f’idejn Vitals.

Vitals intrabtet li tinvesti €220 miljun ewro f’sentejn (jiġifieri sal-2018 – is-sena li għaddiet). F’kummenti pubbliċi, Ram Tumuluri, wieħed mid-Diretturi u l-‘wiċċ’ ta Vitals, assigura li l-kumpanija kellha l-esperjenza meħtieġa fil-qasam u li se jkollha bħala sieħeb lil Walter Reed Medical Centre għas-servizzi ta’ riabilitazzjoni fl-Isptar San Luqa.

Fis-17 ta’ Ġunju 2017 il-ġurnal The Times jiżvela li Vitals kienet lanqas biss għadha ndenjat ruħha titfa’ l-aplikazzjoni biex tibni dak li wiegħdet bħala Sptar Ġenerali ġdid akut f’Għawdex.

Fis-26 ta’ Ġunju 2016 l-ġurnal The Times jiżvela wkoll li fil-każ tal-Isptar t’Għawdex, Vitals setgħet iżżid iż-żmien għal 99 sena. (Aktar tard kixfet l-istess ħaġa dwar l-Isptar San Luqa.)

L-isptar ġenerali ta’ Għawdex

IL-UĦM MA TIFFIRMA EBDA FTEHIM

Fil-11 ta’ Lulju 2016 il-UĦM tgħid li mhi se tiffirma ebda ftehim ma’ Vitals qabel tara l-kuntratt.

Fis-7 t’Awwissu 2016, waqt l-inawgurazzjoni ta’ servizz bil-ħelikopter minn Għawdex, Chris Fearne iwiegħed li Vitals kellha tagħmel sptar ġdid state of the art f’Għawdex u tagħti servizz fuq livell Amerikan. Wiegħed ukoll li jippubblika l-kuntratt fil-Parlament.

Fl-20 t’Ottubru 2016 il-kuntratt ippubblikat b’mod imbiċċer. Meta l-Gvern kien suppost li jippubblika dan il-kuntratt, ħafna partijiet importanti tiegħu kienu ċċensurati. Fil-fatt 63 faċċata kienu mgħottijin kollha jew parti minnhom bl-iswed. Ħafna ċifri kienu mgħottijin hekk li minn dak li ‘ppubblika’ l-Gvern ma tista’ tieħu l-ebda idea tal-kuntratt.

L-istess il-Key Performance Indicators, jiġifieri l-kejl ta’ jekk il-VGH kisritx jew osservatx il-kuntratt; dawn ukoll kienu ċċensurati mill-‘pubblikazzjoni’ tal-kuntratt. Il-Gvern sostna li l-partijiet tar-rapport li kienu ċċensurati kienu ta’ natura kummerċjali sensittiva.

Fl-4 ta’ Novembru 2016 f’kummenti lill-media, Ram Tumuluri saħaq li hu mhux il-VGH. Sostna wkoll li wara l-kumpanija hemm numru ta’ nies, fosthom bord mediku.

Fil-5 ta’ Novembru 2016 kien żvelat li s-sejħa pubblika għall-offerti għat-tliet sptarijiet kienet biss mise-en-scène għax il-Gvern kien diġà ffirma ftehim inizjali sigriet ma’ Vitals saħansitra qabel il-proċess pubbliku tat-tender. U Konrad Mizzi ta l-go-ahead biex jiftaħ il-kumpanija sigrieta tiegħu fil-Panama jumejn wara li ffirma l-kuntratt ma’ Vitals.

Interessanti li Vitals għall-ewwel riedet biss l-Isptar t’Għawdex, imma mbagħad il-Gvern taha wkoll l-isptarijiet Karin Grech u San Luqa.

Fis-26 ta’ Novembru 2016 il-kuntratt tant jinten li l-unions li jirrappreżentaw lit-tobba u lill-ħaddiema tal-isptarijiet – l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) – talbu lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament (PAC) biex jinvestiga dan il-kuntratt. Dan għamluh f’ittra lill-PAC.

Fit-28 ta’ Novembru 2016 il-unions ressqu wkoll protest fil-Qrati biex il-Gvern jippubblika l-ftehim sigriet tiegħu ma’ Vitals.

Fis-6 ta’ Diċembru 2016 wara t-talba tal-unions lill-PAC u l-protest ġudizzjarju tagħhom, il-Ministru Chris Fearne u l-Membri tal-Gvern fil-Kumitat tal-Kontijiet pubbliċi talbu lill-Awditur Ġenerali biex jifli l-kuntratti bejn il-Gvern u l-VGH. L-Awditur Ġenerali kellu jinvestiga jekk dan il-kuntratt jirrappreżentax valur tajjeb għall-flus u jekk dak li kienu ntrabtu li jagħmlu l-VGH kienx jikkostitwixxi titjib fis-servizz.

PRIVATIZZAZZJONI LI FALLIET

Il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet…falliment… Fit-28 ta’ Mejju 2017 kien żvelat li l-Gvern kien diġà ffirma l-ftehim preliminari ma’ Vitals qabel ħabbar min rebaħ l-offerta għall-privatizzazzjoni tas-servizzi fit-tliet sptarijiet.

Aktar tard, il-Gvern jibqa’ jagħmel minn kollox biex iżomm sigriet anke dan il-ftehim preliminari.

Fil-31 ta’ Mejju 2017 kienu żvelati aktar fatti dwar Vitals. It-Times tirrapporta li Asad Shukat Ali, li kien ingaġġat mal-Vitals għal ‘konsulenzi’, kien fetaħ kont fil-Pilatus fejn beda jirċievi ‘eluf ta’ ewro’.

Raporti fil-media kienu jgħidu li Asad Shukat Ali kellu ishma fil-kumpanija Cross Range Holdings Ltd li wkoll għandha ishma fi Bluestone Investment Malta Ltd li hija l-kumpanija li tagħha hi Vitals imma li l-UBO, is-sid veru tagħha, hu sigriet.

VGH ċaħdet li l-kumpanija għandha rabtiet mal-Bank Pilatus. Asad Shukat Ali qal li hu qatt ma kellu kontijiet. Kienet il-kumpanija Planetcore Malta li tagħha kien Kap Eżekuttiv li għandha kont fil-Bank Pilatus, qal Asad Shukat Ali, li b’hekk ammetta li għandu relazzjoni kemm ma’ Pilatus Bank kif ukoll ma’ Vitals.

Fit-23 ta’ Lulju 2017 aktar żvelar mill-media juri li l-kuntratt ma’ Vitals jagħtiha dħul ta’ 70 miljun ewro fis-sena, jiġifieri aktar minn €2,000 miljun fuq 30 sena. Iċ-ċifri saru magħrufin għax inkixfu mill-media indipendenti u mhux għax ippubblikahom Joseph Muscat. Anzi, Joseph Muscat ħeba kemm felaħ minn dan il-kuntratt.

Fl-1 t’Awwissu 2017 żvelat li Vitals se tieħu aktar flus, apparti l-2,000 miljun żvelati ftit ġranet qabel. U dan minkejja li l-uniku proġett li bdiet tagħmel xi ħaġa fuqu waqa’ lura sew.

L-iskola medika ta’ Barts kellha tibda aktar minn sena ilu, imma wara sena l-istudenti kellhom jużaw il-bini tas-Sixth Form f’Għawdex.

F’Settembru 2017 il-Gvern isir jaf li Vitals se tbigħ il-kuntratt tagħha miegħu, imma jżomm din l-aħbar sigrieta waqt li jaf li l-bejgħ jista’ jwaqqfu skont l-istess kuntratt.

Fil-fatt dan l-iskandlu kompla jikber hekk kif f’Diċembru tal-2017 kienet żvelata l-aħbar li Vitals Global Healtchare kienet biegħet dawn l-isptarijiet lil Stewart Health Care.

Tali aħbar għal darba oħra kienet konfermata minn Joseph Muscat li kien Prim Ministru u minn Chris Fearne li kien il-Ministru tas-Saħħa. Huma kienu qalu li n-negozjati bejn il-Vitals u Steward kienu ilhom għaddejjin diversi xhur, qabel ma ġie ffirmat il-ftehim.

Ix-xiri tal-isptarijiet minn Steward seħħ billi tal-aħħar xtara l-maġġoranza tal-ishma fil-Vitals Global Healthcare, u l-minoranza tagħhom żammhom Ashok Rattehalli, li kien investitur fil-Vitals.

Dan l-istess Ashok Rattehalli kien mar darbtejn b’mandat ta’ inibizzjoni l-Qorti, għax ma kienx ingħata garanzija li l-ishma tiegħu mhux se jiġu affettwati bit-trasferiment. Madankollu aktar tard kien irtirahom.

KONRAD MIZZI DAHRU MAL-ĦAJT

F’Jannar tal-2018 il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ma weġibx dwar x’kienet ir-raġuni li wasslet lill-Vitals Global Healthcare biex ibiegħ il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet Maltin lill-kumpanija Amerikana Steward Health Care.

Dwar dan kollu l-Gvern kien qal li ma tħallsux flus żejda lill-kumpanija Vitals u qal li l-ħlasijiet li saru kienu “skont il-kuntratt”. Id-Dipartiment tas-Saħħa ppreċiża li l-flus imħallsa mill-Gvern lill-kumpanija Vitals Global Healthcare matul is-snin 2016 u 2017 kienu skont it-termini maqbula fil-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern u VGH.

Madankollu rapporti fil-media kienu jindikaw li l-Gvern kien irdoppja l-ħlasijiet lill-Vitals minn €16.5 miljun li kienu diġà tħallsu matul l-2017 għal €18 miljun żejda li kienu approvati fil-Parlament jiem biss qabel tħabbar il-bejgħ ta’ Vitals Global Healthcare lil Steward Health Care.

Jirriżulta li l-Gvern baqa’ jħallas €1.8 miljun fis-sena għat-tagħmir tat-tliet sptarijiet minkejja li dawn kienu għaddew lill-Vitals Global Healthcare.

ADRIAN DELIA B’REBĦA IMPORTANTI

Żvilupp ferm importanti f’dan ix-xenarju kollu kien seħħ fid-19 ta’ Marzu tal-2019 meta l-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, l-Imħallfin Joseph R Micallef u Tonio Mallia kienet ikkonfermat digriet tal-Imħallef Silvio Meli fejn ġie miċħud l-Appell tal-Prim Ministru u tal-Avukat Ġenerali biex il-kważa tal-Vitals tkun spezzettata, u tinqasam f’diversi partijiet. Dan wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kie fetaħ din il-kawża ta’ importanza kbira fil-Qorti biex ikun investigat dan id-deal skandaluż mal-Vitals.

F’din il-kawża, Adrian Delia kien qed ittenni li l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jerġgħu lura għand il-poplu wara li jkun iddikjarat null il-kuntratt li l-Gvern għamel mal-Vitals Global Healthcare. Il-Qorti tal-Appell qalet fis-sentenza tagħha li l-Appell mhux mistħoqq, u għalhekk ma kienitx se tilqa t-talba.

Qalet ukoll li mir-raġunijiet li nġiebu quddiemha m’għandhiex tvarja mid-digriet li ngħata mill-Ewwel Qorti. Il-Qorti tal-Appell ma laqgħatx l-appell li sar mill-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Avukat Ġenerali, Vitals, Malta Industrial Parks u l-Awtorità tal-Artijiet dwar il-każ li nfetaħ mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fuq il-kuntratt ta’ bejn il-Gvern u l-kumpanija Vitals Global Healthcare. Delia jrid li jagħti lura lill-poplu li sptarijiet privati li nbiegħu bix-xejn lill-privat. Il-Prim Ministru w l-partijiet l-oħra appellaw mid-digriet li ta l-Imħallef Silvio Meli fit-28 ta’ Mejju li għadda fejn qalu li jkun aħjar li l-kawża tinqasam f’biċċiet u dan biex jiggwadanjaw il-ħin, liema kawża setgħet tieħu s-snin biex tinqata’.

Huma kienu għamlu eċċezzjoni preliminarja li fiha qalu li l-kawża hi inammessibbli minħabba li nfetħet wara li l-kuntratt kien ġie ffirmat. Dakinhar il-Qorti kienet iddeċidiet li l-każ mhux se jiġi maqsum fi stadji preliminarji iżda se jkun hemm deċiżjoni waħda rigward il-każ. Din id-deċiżjoni kienet appellata bi tliet Imħallfin għal darba oħra jikkonfermaw li dan mhux il-mod kif għandha tkompli tinstema’ l-kawża. Kien fi Frar tas-sena ta’ qabel li Adrian Delia kien fetaħ kawża l-Qorti biex il-kuntratt ta’ bejn il-Gvern u l-kumpanija Vitals Global Healthcare li permezz tiegħu nbiegħu tliet sptarijiet jiġi ddikjarat null.

Adrian Delia kien ippreżenta l-kawża ftit jiem wara li l-konċessjoni għat-tliet isptarijiet li kienu għaddew f’idejn l-VGH ġiet trasferita lil Steward Health Care.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista dejjem tenna li l-Gvern ma kellu l-ebda dritt li jawtorizza t-trasferiment minħabba li l-VGH kien kiser il-kundizzjonijiet tal-kuntratt.

Sadattant żvilupp importanti seħħ f’Mejju tal-2019 meta l-għaqda non-governattiva Repubblika talbet lill-Qorti biex tiftaħ inkjesta dwar l-allegat involviment tal-Ministru Edward Scicluna u l-eks Ministri Chris Cardona u Konrad Mizzi fl-iskandlu tal-privatizzazzjoni tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex meta dawn ingħataw lill-privat.

Fi stqarrija Repubblika kienet qalet li fir-rikors uriet kif il-Ministru Edward Scicluna u l-eks Ministri Chris Cardona u Konrad Mizzi taw vantaġġ skorrett u sproporzjonat lil azzjonisti ta’ azjenda privata biex imexxu l-isptarijiet pubbliċi Maltin.

Skontha, il-kumpanija li ngħatat din il-kariga ma kellha ebda esperjenza fil-qasam mediku u “ffangat b’miljuni ta’ ewro minn fondi pubbliċi li ħadd ma jaf x’sar minnhom.” L-aġir ta’ dawn it-tliet persuna jagħti lok għal suspett li f’dan il-każ seħħew il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, fost delitti oħra mniżżla fir-rikors.

Dakinhar l-għaqda kienet talbet li tinfetaħ inkjesta biex jinġabru u jinżammu l-provi dwar dawn id-delitti serji fl-assenza ta’ investigazzjoni mill-awtorità kompetenti li tinvestiga reati suspettati f’Malta: ċioè l-Pulizija.

F’Rikors dettaljat ta’ 153 faċċata, Repubblika kienet elenkat il-fatti kollha li huma magħrufa pubblikament dwar kif il-Gvern ftiehem fis-sigriet ma’ soċjetà bla ebda esperjenza imkien fid-dinja fit-tmexxija tal-isptarijiet biex taha tliet sptarijiet pubbliċi għal 99 sena f’kuntratt b’valur ta’ €7 biljuni. Dan il-ftehim klandestin sar qabel il-proċess fażull t’offerti pubbliċi.”

VGH FALLIET MILL-OBBLIGI

Tajjeb li jkun iċċarat li meta VGH falliet mill-obbligi tagħha li tissodisfa r-rekwiżiti tal-kuntratt li kellha mal-Gvern, il-Gvern Malti ta konċessjonijiet sproporzjonati, ta’ żvantaġġ u spiża kbira għall-erarju pubbliku, u inġusti ma’ kompetituri possibbli li setgħu offrew jew riedu joffru dan is-servizz.

Wara spiża li hi stmata bejn 50 u 100 miljun ewro, VGH tħallew jitrasferixxu l-isptarijiet lil ħaddieħor mingħajr ebda benefiċċju pubbliku iżda preżumibilment bi qliegħ konsiderevoli għalihom, u dan bi ksur sfaċċat tal-kuntratt pubbliku li l-Gvern kien ippreżenta fil-Parlament.

Intant hu suspettat ukoll li Ivan Vassallo, propjetarju tas-soċjetà Technoline, ibbenefika mill-privatizzazzjoni korrotta tal-isptarijiet b’kuntratti żvantaġġjużi għar-riżorsi pubbliċi bejn l-isptarijiet u l-kumpanija tiegħu li tforni provvisti mediċi. Repubblika talbet li l-Inkjesta Maġisterjali tiġbor il-provi dwar din il-materja wkoll.

Żvilupp interessanti f’din is-saga seħħ f’Ottubru 2019 meta l-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti ddeċidiet li ma ssirx Inkjesta Maġisterjali fuq it-trasferiment tat-tliet sptarijiet tal-Gvern lil Vitals Global Healthcare. Dan wara li l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kienet aċċettat it-talba.

L-Imħallef Grixti qal li ġie innutat żball proċedurali mill-Maġistrat Stafrace Zammit meta interpretat ħażin il-liġi dwar il-livell ta’ provi meħtieġa biex tibda l-inkjesta.

Hu kien qal li l-Maġistrat kienet ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq informazzjoni mressqa minn Repubblika li, min-naħa tagħha, kienet ibbażat il-provi fuq “ġabra ta’ opinjonijiet ta’ ġurnalisti u bloggers”.

LENTI SKURA FUQ EDWARD SCICLUNA, KONRAD MZZI U CHRIS CARDONA

Il-każ kien infetaħ mill-għaqda Repubblika f’applikazzjoni twila 150 paġna li fiha qalu li l-Ministru Edward Scicluna ul-eks Ministri Chris Cardona u Konrad Mizzi taw vantaġġ skorrett u sproporzjonat lill-azzjonisti ta’ kumpanija privata biex imexxu l-isptarijiet pubbliċi f’Malta u f’Għawdex.

Min-naħa tagħhom it-tliet persuni taħt il-lenti kienu argumentaw li l-allegazzjonijiet kienu spekulattivi u magħmula b’intenzjoni ħażina minn individwi motivati politikament.

B’reazzjoni, il-Ministru ghall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Qorti kkonfermat li kienet se ssir ħsara kemm lilu u anke lil Malta minn grupp li jasal għal kollox. Il-Ministru Scicluna ddeskriva din l-esperjenza bħala waħda tal-biża’ filwaqt li qal li jinsab kuntent li s-sewwa rebaħ fuq il-ħażen.

Ftit ġimgħat wara, preċiżament fid-29 ta’ Novembru 2019 tħabbar li l-Ministru Edward Scicluna, l-eks-Ministru Konrad Mizzi u l-Ministru sospiż Chris Cardona se jkollhom jaffaċċjaw inkjesta maġisterjali dwar l-involviment tagħhom fil-ftehim tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Dan wara li l-Qorti Kriminali rrifjutat l-appell tagħhom.

Il-Maġistrat Doreen Clarke kienet iddikjarat li kien hemm ir-rekwiżiti kollha biex tinfetaħ inkjesta u t-tliet politiċi jkunu investigati. Din id-deċiżjoni kienet kontestata mit-tliet politiċi.

Wara li kien hemm numru ta’ Imħallfin li astjenew milli jieħdu l-każ f’idejhom, dan għadda f’idejn l-Imħallef Edwina Grima, li rrifjutat l-appell tat-tliet persuni politiċi.

Lura għar-Rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika pubblikat din il-ġimgħa, tajjeb li jingħat li immedjatament kienet ir-reazzjoni ta’ Adrian Delia li appella biex dan id-deal skandaluż tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi għandu jintemm minnufih.

TRID TINTREFA’ R-RESPONSABBILTÀ POLITIKA

Adrian Delia f’konferenza tal-aħbarijiet tenna li fl-ewwel Rapport tiegħu l-NAO qed jikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista… li l-proċess tal-għażla hu miżgħud fid-difetti. L-eżerċizzju kien wieħed superfiċjali, l-Awditur sab nuqqasijijet serji, il-kriterji li fuqha kellha issir l-għażla kienu suġġettivi, sar ksur meta l-Gvern għamel ftehim mal-Vitals qabel ħarġer is-sejħa għall-offerti.

Adrian Delia qal li r-riskju kollu ta’ din il-konċessjoni ħadu fuqu l-Gvern fejn tefa’ riskju fuq spallejn il-poplu Malti kollu. Bl-Awditur Ġenerali jgħid li ma tgħabba ebda riskju ta’ xejn fuq il-Vitals.

Dan ir-rapport sab ukoll li Vitals kienu jafu minn qabel li ħierġa din is-sejħa. L-offerta tal-Vitals ma kenitx waħda realistika. Vitals ma kellhomx il-flus biex iwettqu dak li kienu qed jgħidu li se jagħmlu fil-proġett. Minkejja dan il-Gvern fdalhom is-saħħa tal-poplu Malti.

Adrian Delia qal ukoll li l-Awditur sab li ma sar ebda due dilligence fuq il-kumpanija Vitals. Dawn ingħataw il-miljuni fis-sena fi ftehim li sar bil-moħbi.

Dan kien deal maħdum minn qabel biex jinsteraq il-poplu Malti fejn il-Gvern, minn wara l-poplu Malti, qed joħodlu dak li mhux tiegħu.

Adrian Delia qal li fid-dawl ta’ dak li kien żvelat, trid tintrefa’ responsabbiltà minn Joseph Muscat u minn Edward Scicluna. Robert Abela se jiddeċiedi favur il-kriminali jew favur il-Maltin. Qal li jesiġi li l-Pulizija taġixxi għal dan kollu. Robert Abela ilu jaf għal żmien twil u baqa’ ma ħa ebda azzjoni.

Sussegwentement pront wieġeb l-eks Ministru Konrad Mizzi li kien hu il-Ministru tas-Saħħa fiż-żmien meta sar dan id-deal.

Ironikament, issa Konrad Mizzi qed jgħid li l-proposta diskussa ma’ Vitals “ma kinitx tagħmel sens” – xi ħaġa ġdida li qed jgħidha biss issa li ħarġet il-kundanna tal-Awditur Ġenerali.

Konrad Mizzi insista wkoll fuq il-fatt li l-Kabinett kollha kien imdaħħal f’dan id-deal.

“Ir-rapport u l-konklużjonijiet tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, kif ukoll il-kuntratti li ġew eventwalment iffirmati, kienu approvati mill-Kabinett tal-Ministri. Fil-fatt, il-Kabinett kien involut f’kull stadju tal-proċess u approva kull kuntratt iffirmat”, qal id-deputat indipendenti fuq Facebook.

Konrad Mizzi qal ukoll li l-Malta Enterprise “kienet ippreżentat il-proġett maħsub fl-MOU lill-Ministeru tas-Saħħa. Però konna spjegajna lill-Malta Enterprise li l-proposta li kienet iddiskutiet mal-investituri ma kenitx tagħmel sens fid-dawl tal-ħtiġiet tas-saħħa pubblika.”

CHRIS FEARNE JWIEĠEB LIL KONRAD MIZZI

Bi tweġiba għal dak li qal Konrad Mizzi, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal: “Jien ma kont involut assolutament f’xejn f’xi negozjati li ssemnew mill-Awditur Ġenerali.”

Fuq il-media soċjali, Chris Fearne għamilha ċara li l-ftehim kien sar fi żmien meta hu stess kien Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tas-Saħħa.

Filwaqt li Chris Fearne qal li ma kellu x’jaqsam xejn, Konrad Mizzi qed jibqa’ jinsisti li l-Kabinett kien involut f’kull stadju tal-proċess u approva kull kuntratt iffirmat.

“Niddikjara li [in-negozjati] setghu saru qabel ma’ ħareġ l-RfP u lanqas ma’ kont infurmat dwarhom,” qal Chris Fearne.

“Fil-fatt jien lanqas biss kont naf bl-eżistenza tal-MOU. L-Awditur jikkonferma wkoll kif is-Segretarjat għas-Saħħa (kif ukoll il-Ministeru tal-Finanzi) inżamm kompletament barra mill-ħruġ tal-RfP.”