Coronavirus Lokali

Ebda każ ġdid; il-kazi attivi jibqgħu 5

Għar-raba’ jum konsekuttiv, f’Malta u f’Għawdex ma ġie reġistrat l-ebda każ ġdid ta’ COVID-19. Dan minn 456 swab test li huwa ammont pjuttost żgħir ta’ testijiet meta wieħed jikkumpara n-numri ma’ ġranet preċidenti.

Dan ħareġ mill-aħħar aġġornament fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Awtorità tas-Saħħa fejn ħareġ ukoll li ħadd ma fieq fl-aħħar 24 siegħa biex b’hekk il-każi attivi, għat-tieni jum konsekuttiv, jibqgħu ħamsa.

L-istatistika fin-numri tal-Coronavirus f’pajjiżna turi li l-bidu ta’ din id-19-il ġimgħa tal-imxija kienet eżatt bħal ġimgħatejn ta’ qabel fejn fl-ewwel tliet ijiem ma ġie reġistrat l-ebda każ ġdid. Filfatt, fl-aħħar ġimgħatejn, pajjiżna ra biss erba’ każi ġodda filwaqt li aktar persuni komplew ifiequ.

B’hekk, mis-7 ta’ Marzu l’hawn f’pajjiżna kien hawn total ta’ 674 każ li minnhom fiequ 660 u tilfu ħajjithom 9 persuni. Dan minn total ta’ 107,622 test.

Intant, f’inqas minn 48 siegħa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ser ikun qed jiftaħ għal 28 pajjiż ieħor ma dawk li kienu approvati numru ta’ ġimgħat ilu mis-Suprintendent tas-Saħħa. Dawn jinkludu il-Korea t’Isfel, il-Ġappun u ċ-Ċina fejn in-numri fil-każi ta’ COVID-19 għadhom pjuttost allarmanti.