Lokali

Id-Deputati tal-Gvern għadhom qed imorru kontra r-rapport Hyzler

Il-Ministri tal-Gvern Laburista għadhom qed jużaw flus mit-taxxi tal-poplu għall-propaganda personali tagħhom fuq Facebook minkejja li għaddejja inkjesta Maġisterjali dwar l-implikazzjonijiet ta’ din il-prattika abbuziva.

Illum, is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ippubblikat filmat direttament fuq il-paġna personali tagħha ta’ Facebook, bi ksur ċar tar-regoli stipulati mill-Kummissarju tal-Istandards. 

Kif spjega s-sit LovinMalta…li ilu mill-bidu jsegwu din il-kontroversja…il-video ta’ Cutajar jispiċċa bil-logo uffiċjali tas-Segretarjat, li jfisser illi l-inizjattiva thallset minn fondi pubbliċi.

Skond ir-regoli l-ġodda, meta jkun hemm produzzjoni finanzjata minn fondi pubblici… il-kontenut l-ewwel għandu jkun ippubblikat fuq il-paġna uffiċjali tal-Ministeru.  Madankollu, diversi ministri qed ikomplu jiksru dawn ir-regoli, b’ħafna minnhom jippubblikaw dan il-kontenut direttament fuq il-paġni personali tagħhom stess fuq Facebook u pjattaformi ohra. 

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela qed jippubblikaw il-propaganda fl-istess mument eżatt x’hin il-kontenut ikun imxerred fuq il-paġni uffiċjali; liema prassi wkoll tmur kontra r-regoli. Imma fil-każ ta’ Rosianne Cutajar, din marret pass oltre. Hija xerrdet il-filmat direttament fuq il-paġna personali tagħha .

Kien biss madwar 40 minuta wara, li dan il-video ttella’ fuq il-paġna uffiċjali tal-Ministeru… wara li s-sit LovinMalta kiteb lil Cutajar li kienet kisret il-liġi. 

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler kien qal li dan l-aġir huwa abbuż, għaliex qed jintużaw t-taxxi taċ-ċittadin Malti għal għanijiet ta’ propoganda “biex jgħollu l-profil personali u politiku tagħhom”.

Filfatt ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kixef kif erba’ Ministri: Silvio Schembri, Aaron Farrugia, Ian Borg u Edward Scicluna għamlu użu ħażin mill-fondi pubbliċi. Tant li wara li hareg l-istess rapport… il-Kabinett kollu, inkluż il-Prim Ministru Robert Abela, tpoġġa’ taħt investigazzjoni.