Lokali

Il-President jgħid li Adrian Delia m’għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni

F’komunika li ġie ppubblikat illum, il-President George Vella stqarr li Adrian Delia m’għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni.

Fi kliem George Vella, din id-deċiżjoni għalissa għandha twaqqaf id-diskussjoni dwar min għandu jew għandha, jiġi jew tiġi maħtur jew maħtura bħala l-Kap il-ġdid tal-Oppożizzjoni – dan għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni jibqa’ Adrian Delia.

Il-President stqarr li minkejja li Adrian Delia tilef l-appoġġ tal-akbar grupp singolu ta’ membri parlamentari fl-oppożizzjoni, biex ir-rwol ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ma jibqax vakanti Adrian Delia m’għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni għaliex għadu jgawdi l-pożizzjoni ta’ Kap tal-PN.

Il-President Vella iddeskriva din is-sitwazzjoni bħala waħda “bla preċedent”. U qal ukoll li mil-lenti tiegħu, jidher ċar li din is-sitwazzjoni kienet se toħloq imblokk legali u kostituzzjonali.

Fil-fatt, hu spjega li l-kunsiderazzjoni li xi ħadd ieħor, f’dan il-każ membru li jkun sar il-Kap tal-Partit tal-Oppożizzjoni li jkollu l-akbar forza numerika fil-Kamra imma li ma jkunx il-Kap tal-Partit tal-Oppożizzjoni, ukoll issib diffikultajiet.