It-Tnejn ġie inawgurat mużew virtwali f’Dar il-Mediterran bl-isem ‘Re-living the Sacra Infermeria’.
Il-mużew se jiftah għall-pubbliku mill-20 ta’ Lulju li ġej, u sal-1 ta’ Awwissu d-dħul se jkun mingħajr ħlas.
Dan il-proġett, li kien iffinanzjat minn fondi Ewropej, se jgħin fl-esperjenza edukattiva, mhux biss għall-Maltin iżda wkoll għal dawk li jżuru pajjżna.
Wieħed issa jista’ jisma’ rakkont tal-Gran Mastru La Valette dwar kif inbniet il-Belt Valletta u permezz ta’ applikazzjoni fuq il-mowbajl il-viżitaturi jistgħu jsegwu l-operat tal-binja fil-Medju Evu.

Il-mużew se jagħti ċans lill-viżitatur ikun parteċipi fl-Assedju l-Kbir u anke it-Tieni Gwerra Dinjija.
Din is-sala unika f’Dar il-Mediterran għandha storja rikka, u marbuta mal-ġrajjiet ewlenin ta’ pajjiżna. Sas-sena 1787, is-swali f’din l-Infermerija kienu jakkomodaw 563 sodda. Is-Sala l-Kbira, li dahri kienet l-akbar sala ta’ sptar fl-Ewropa kollha, hija twila 155 metru.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-Mużew Virtwali ntqal ukoll illi fl-eqqel tal-pandemija f’Dar il-Meidterran baqa’ għaddej xogħol ta’ restawr u konservazzjoni; xogħol li għen biex wara kollox din l-applikazzjoni u dan il-mużew virtwali seta’ jsir realtà.
