Lokali Saħħa

Jingħata ultimatum biex jinstab id-dokument tal-Vitals

Robert Abela jrid “ikompli jibni” fuq id-deal li diġà sar tat-3 sptarijiet

Il-Prim Ministru qed jinsisti li se jkompli jibni fuq id-deal tal-isptarijiet li diġà ġie kkundannat mill-Awditur Ġenerali; deal li kien iffirmat mill-Gvern Laburista mal-Vitlas, wara dik l-Awditur sejħilha “konfoffa”. Deal illi minn Vitals kien għadda għal għand Steward Healthcare, li iżda xorta baqgħu m’għamlu ebda investiment.

VGH hija storja għaliha u Steward Healthcare storja oħra, bħalissa għaddejjin diskussjonjiet ma’ Steward biex jitjieb is-servizz… Steward taw servizz tajjeb u hemm fuq xiex wieħed jibni u biex wieħed ikompli jtejjeb”

Robert Abela kien qiegħed iwieġeb għal numru ta’ domandi mill-ġurnalisti, meta kien mistoqsi dwar il-famuż Memorandum of Understanding li għadu mitluf u ħadd ma jaf fejn jinsab.

“Jien tajt direzzjoni ċara jrid jinstab… jien għamilt pożizzjoni ċara u dak id-dokument sal-lum (it-Tnejn) irid jinstab”

Meta saqsejnih jekk hux kburi b’dan id-deal li kien sar, li wara kollox jitratta s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi, il-PM weġibna b’dan il-mod.

“Diġà għedt li r-rapport tal-Awditur Ġenerali lili jqajjimli preokupazzjonijiet li jien mhux sodisfatt bihom”

Wara r-rapport iebes li kkundanna l-ftehim li għamel il-Gvern meta biegħ it-tliet sptarijiet pubbliċi, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba u l-UĦM Voice of the Workers insistew mall-Gvern biex jirtira l-kuntratt issa stess. Huma qalu li l-kuntratt huwa wieħed ivvizzjat u qatt ma kellu jsir.

Iżda mit-tweġibiet li tana Robert Abela t-Tnejn filgħodu, kollox jindika li l-Prim Ministru assulutament ma jridx iwaqqa’ dan id-deal li qed jiswa lill-poplu Malti u Għawdxi miljuni kbar.

Intant wara li ħareġ ir-rapport tal-NAO il-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li dan kollu jikkonferma dak li ilu jgħid il-PN, li l-proċess tal-għażla kien wieħed miżgħud fid-difetti.

Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali jgħid illi l-eżercizzju kien wieħed superfiċjali, il-kriterji li fuqha saret l-għażla kienu suġġettivi u li kien nuqqas serju meta l-Gvern għamel ftehim mal-Vitals, qabel ħarġet is-sejħa għall-offerti.

Dettalji inizjali:

Robert Abela meta mistoqsi mill-ġurnalisti qal li ta ultimatum sal-lum biex jinstab il-Memorandum of Understanding sigriet li kien iffirmat bejn il-Gvern Laburista u Vitals Global Healthcare.

Huwa qal dan fid-dawl ta’ wara li l-ġimgħa li għaddiet stqarr li l-MOU sigriet huwa mitluf, u wara li l-Awditur Ġenerali qal li dan qatt ma ngħatalu.

Dan id-dokument mitluf kien dak li witta t-triq biex tliet sptarijiet Pubbliċi, Karin Grech, San Luqa u dak t’Għawdex jingħataw lill-privat.