Edukazzjoni Lokali

Jiżdied is-self tal-kotba mil-libreriji pubbliċi

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, is-sena li għaddiet kien hemm żieda ta’ 2.3% fis-self ta’ kotba mil-libreriji fuq is-sena preċedenti. Dan ifisser li t-total ta’ self kien ta’ 1,045.869. Minn din is-somma, 14,001 jew 1.3 fil-mija kienu fil-forma ta’ eBooks.

Fl-2019, l-akkwisti tal-kotba mil-libreriji pubbliċi ammontaw għal 47,754, b’31,3 fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Id-donazzjonijiet ta’ kotba u x-xiri mil-libreriji pubbliċi żdiedu b’39.7 u 17.4% rispettivament. Min-naħa l-oħra, l-akkwist ta’ eBooks naqas bi 2.4% meta mqabbel mal-2018.

Skont din l-istatistika, il-membri ġodda tal-libreriji pubbliċi kienu 6.071, tnaqqis ta’ 3.1% meta mqabbla ma’ membri ġodda għas-sena ta’ qabel. Persuni taħt it-18-il sena jammontaw għal 65.4 fil-mija tal-membri l-ġodda tal-libreriji pubbliċi.

Meta mqabbel mas-sena preċedenti, l-akbar żieda fis-self tal-kotba ġiet irreġistrata mil-libreriji pubbliċi fid-distrett tax-Xlokk. B’kollox, dan id-distrett kellu żieda sena fuq sena ta’ 14.3 fil-mija fis-self tal-kotba, biż-żieda ewlenija tiġi rreġistrata mil-librerija pubblika tal-Qrendi. Iż-żieda kienet ta’ 10,633 self fil-kotba jew 80.2 fil-mija, fuq is-sena ta’ qabel. 

Min-naħa l-oħra, id-distrett tat-Tramuntana rreġistra l-akbar tnaqqis, bi 18.4% inqas self tal-kotba mill-2018. F’dan il-każ, it-tnaqqis ewlieni kien mil-librerija pubblika tal-Mosta, li rreġistrat tnaqqis ta’ 16,183, 27.5% inqas mis-sena ta’ qabel.

Fl-2019, in-numru ta’ kotba u perjodiċi riċevuti mil-Librerija Nazzjonali ta’ Malta taħt depożitu legali laħaq 1,579, tnaqqis ta’ 9.3 fil-mija meta mqabbel mal-2018. Is-sehem ta’ perjodiċi ammonta għal 52.5 fil-mija ta’ dawn id-depożiti.

Kemm l-importazzjonijiet kif ukoll l-esportazzjonijiet ta’ materjal tal-kotba stampati u perjodiċi matul l-2019 naqsu meta mqabbla mas-sena ta’ qabel u kienu ta’ €10.9 u € 3.9 miljun rispettivament. Fl-2019, il-valur tal-importazzjonijiet naqas bi 11.9 fil-mija, filwaqt li l-esportazzjonijiet naqsu b’16.8 fil-mija. 

Min-naħa l-oħra, is-sehem tal-flus li ntefqu fuq materjal stampat fin-nefqa totali tal-konsum finali privat baqa’ stabbli, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.