Lokali

L-ajruport ikompli jattrezza ruħu għas-salvataġġ u t-tifi tan-nar

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kompla jattrezza ruħu għas-salvataġġ u t-tifi tan-nar bil-wasla ta’ vettura tat-tifi tan-nar ġdida mill-Awstrija tal-għamla Rosenabuer Panther 8×8.

L-akkwist ta’ din il-vettura b’emissjonijiet baxxi, li tintuża minn bosta ajruporti internazzjonali, huwa parti mill-programm ta’ modernizzar tal-flotta ta’ vetturi ta’ tifi tan-nar tal-kumpanija, b’investiment li jlaħħaq madwar €2.9 miljun. 

Bħala parti minn dan l-investiment hemm ordnati wkoll żewġ vetturi ta’ tifi tan-nar tal-għamla Panther 6×6, li mistennijin jkomplu jattrezzaw lill-ajruport f’dak li għandu x’jaqsam ma’ rispons għall-emerġenzi fis-sena 2021. 

Il-vetturi ta’ tifi tan-nar tal-għamla Panther huma mfittxija għad-disinn modern tagħhom u għadd ta’ funzjonijiet ġodda, inklużi potenza ta’ tifi tan-nar imtejba u teknoloġija ta’ immaġnijiet termiċi għal kundizzjonijiet ta’ viżibbiltà baxxa. Dan ser jippermetti lit-tim tas-Salvataġġ u t-Tifi tan-Nar fi ħdan l-ajruport jirrispondi għal emerġenzi differenti b’aktar ħeffa u effiċjenza. 

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta issa fassal programm ta’ taħriġ sabiex jiffamiljarizza lit-tim tas-Salvataġġ u t-Tifi tan-Nar mal-funzjonijiet kollha li joffru ttrakkijiet tal-għamla Panther. Eżempju ta’ waħda minn dawn il-funzjonijiet hija tturretta estendibbli tal-Panther 8×8 li tagħmel lil din il-vettura ideali għal rispons bi preċiżjoni għal emerġenzi li jseħħu f’ċertu għoli.

L-investiment tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’dawn it-tliet vetturi tal-ogħla kwalità, li qed jiġu provduti minn wieħed mill-fornituri ewlenin tat-tagħmir ta’ tifi tan-nar, ser jgħin lill-kumpanija tkompli tipprovdi ambjent sigur għall-passiġġieri u l-viżitaturi kollha.