Lokali

“L-avversarju tiegħi huwa l-faqar, il-korruzzjoni u l-ħażen” – Adrian Delia

"Irrid PN li jkun tan-nies mhux bil-kliem, iżda bl-għemil"

“L-avversarju tiegħi huwa l-faqar, il-korruzzjoni u l-ħażen”, hekk tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni meta t-Tnejn filgħaxija kien intervistat fuq TVM waqt il-programm Realtà.

Intenni d-determinazzjoni tiegħi li bħala Kap tal-Oppożizzjoni nkompli nagħti l-enerġija kollha tiegħi lejn il-Maltin u l-Għawdxin kollha

Il-Kap tal-PN qal li jeħtieġ li nfittxu r-rieda t-tajba u niġġieldu għall-poplu Malti kollu, meta għandna Gvern li hu mifni bi ħsara u ħakma kriminali. Meta l-Electrogas għadu jitma’ l-miljuni ‘l ftit u jisraqhom lill-poplu. Meta l-Vitals għadhom qed jisirquna €250,000 kuljum. Meta Robert Abela għandu jdejh marbuta u ma jistax jiddeċiedi favur pajjiżna. Meta Konrad Mizzi għadu fil-Parlament, ma sieħbu Joseph Muscat.

Adrian Delia qal li fl-aħħar jiem żamm sieket fl-aħħar jiem għaliex il-kariga tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista titlob minnu kawtela u rispett lejn dak kollu li kien se jiddeċiedi l-President skont dak li tistipula l-Kostituzzjoni.

“Issa kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà t’għemilu”

Il-Kap tal-PN qal li huwa għamel appell eżatt wara d-deċizzjoni tal-President, appell forma ta’ pass ta’ rikonċiljazzjoni. Huwa qal li l-ġest ta’ ħbiberija baqa’ jagħmlu għax fittex dejjem l-interess tal-PN u ta’ Malta, u dawn l-interessi se jibqgħu l-qofol tal-ħidma tiegħu.

“Il-PN mhux tiegħi, iżda tal-Kunsilliera, tat-tesserati, tal-poplu Malti u Għawdxi”

Huwa qal li fil-ġranet li ġejjin se jkun qiegħed jieħu numru ta’ deċizzjonijiet li se jgħinu aktar u aktar fit-tisħiħ tal-PN.

Il-Kap tal-PN tenna li fl-aħħar snin, fil-ħidma tiegħu wettaq ħidma wittet it-triq għat-tiġdid fi ħdan il-Partit, madankollu sostna li jeħtieġ li jsir aktar biex l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tkun tan-nies u viċin in-nies. Huwa qal li permezz tal-azzjonjiet li jittieħdu l-ħidma Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista jista’ jsir Partit li jista’ jiggverna u li hemmhekk jissokta aktar biex iwettaq ħidma b’risq il-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi.

“Ejja nemmnu fis-saltna tan-nies, fis-saħħa tal-poplu, li qed jgħidu li jridu Partit li jirrapreżenta lill-poplu kollu”

Meta mistoqsi dwar kliem ta’ mibgħeda fil-konfront tiegħu l-Kap tal-PN Adrian Delia wettaq appell biex fil-politika ma nużawx lingwaġġ li se jweġġa’ u jkisser lill-persuna, biex ma nintilfux fi kliem ta’ mibgħeda li se jkisser il-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia qal li se jibqa’ jaħdem biex b’għemilu jwettaq politika ġusta u ekwa.

“Il-battalja tagħna mhux biex jirbaħ u jitlef xi ħadd, iżda li jirbaħ biss il-poplu Malti”

Il-Kap tal-PN qal li rridu ningħaqdu lkoll flimkien biex inħarsu ‘l Malta, l-ambjent tagħna, lil uliedna u li nattiraw investiment ġdid.

“Huwa l-obbligu tagħna li nagħmlu s-sewwa, li nressqu proposti tagħna għall-Malta kollha”

Meta mistoqsji dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja, huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ joffri l-għajnuna kollha tiegħu biex fl-iqsar żmien possibbli u wara l-konsultazzjoni kollha meħtieġa jsiru r-riformi li huma xierqa.

Huwa qal li dan kollu jwassal biex ikollna firxa aktar wiesa’ tal-poter f’pajjiżna u nassiguraw li jkollna ċ-checks and balances kollha neċessarji.