Lokali Parlament

L-eks Kummissarju Lawrence Cutajar tħalla jieħu miegħu l-hard-drive li kellu fl-Uffiċċju

Minn mistoqsija Parlamentari ħareġ kif l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar tħalla jieħu miegħu l-hard-drive li kellu fil-kompjuter tal- Uffiċċju tiegħu.

Dan kollu kien konfermat mill-Ministru Byron Camilleri f’waħda mill-mistoqsijiet Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fejn fost l-oħrajn saqsa dwar għaliex l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar tħalla jieħu l-hard-drive tal-kompjuter tal-uffiċċju tiegħu.

Byron Camilleri qal li l-Kummissarji kollha tal-Pulizija fil-passat ingħataw il-permess li jieħdu l-hard-drive tal-kompjuter tagħhom wara li rriżenjaw jew wara li telqu mill-Korp.

Bħalissa Lawrence Cutajar jinsab taħt investigazzjoni kriminali, dan wara r-rivelazzjonijiet li ħarġu fil-Qorti dwar l-allegat involviment tiegħu fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-mod kif ikorompa ċertu investigazzjonijiet.

Camilleri fil-Parlament qal li din il-proċedura jeħtieġ li tinbidel u tenna li l-pulizija xorta jkollhom back-ups tal-hard-drives li jkunu ttieħdu.