Internazzjonali

L-‘Exit Polls’ jindikaw rebħa għal Andrzej Duda

Jidher li l-President tal-Polonja Andrzej Duda ser ikun qed iżomm postu fit-tmexxija tal-pajjiż wara elezzjoni li saret fl-aħħar sigħat. Dan joħroġ mill-ewwel indikazzjonijiet tal-‘Exit Polls’ li saru appena ntemmet il-votazzjoni tal-Ħadd.

L-‘Exit Polls’ juru li Duda, tal-gvern konservattiv, kiseb maġġoranza minima ta’ 51% tal-voti. Huwa kien qed jikkontesta kontra s-sindku ta’ Varsavia Rafal Trzaskowski.

Din l-elezzjoni kienet meqjusa bħala battalja għall-futur tal-pajjiż kif ukoll għar-relazzjoniji tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea.

Trzaskowski jidher li kiseb 49.6% tal-voti, skond l-ewwel stħarriġ li pero jista’ jkollu marġni ta’ 2% żball. Żewġ stħarriġ oħra wrew marġni usa’ bejn il-par.

It-tieni sondaġġ, li jikkombina d-data tal-votazzjoni mar-riżultati uffiċjali parzjali – issuġġerixxa li Duda kiseb 50.8% tal-voti, filwaqt li t-tielet sondaġġ wera rebħa b’51% tal-voti, b’marġni ta’ żball ta’ punt perċentwali.

Ir-riżultati uffiċjali huma mistennija jitħabbru aktar tard matul il-ġurnata tal-lum.

Kollox qed jindika li din se tkun l-eqreb elezzjoni presidenzjali fil-Polonja mill-waqgħa tal-komuniżmu fl-1989.