Internazzjonali

L-imwiet mill-Covid-19 fil-Messiku jaqbżu ċ-ċifra tal-Italja

Il-Messiku, li hi fost l-agħar pajjiżi Latini-Amerikani milqutin bil-coronavirus, issa għandha r-raba’ l-akbar total ta’ vittmi (relatati) fid-dinja.

Fil-fatt, it-total ta’ mejtin fil-Messiku mill-effetti tal-Covid-19 issupera t-total tal-vittmi fl-Italja li kienet fost l-ewwel pajjiżi li qajjmu l-allarm dwar it-theddida ġdida għas-saħħa fuq livell globali

Skont id-data li daħlet fl-aħħar sigħat, mietu ‘il fuq minn 35,000 mill-infezzjonijiet tal-coronavirus fil-Messiku.

Dan wara li l-President tal-Messiku, Manuel Lopez Obrador, kien qal, nhar il-Ħadd, li l-pandemija tal-Covid-19 kienet qed titlef mill-intensità f’pajjiżu.

Lopez Obrador, fl-istess ħin, akkuża ‘lill-media konservattiva’ b’li qed tallarma lin-nies ‘b’mod eżaġerat’.

Il-Messiku, nhar il-Ħadd, irreġistra 276 mewta ġdida mill-coronavirus flimkien ma’ 4,490 infezzjonijiet ġodda li tellgħu t-total tal-każi lokali għal kważi 300,000.

L-Istati Uniti tibqa’ l-aktar pajjiż fid-dinja li kkonferma imwiet dovuti għall-Covid-19 u fejn hu segwit, rispettivament, mill-Brażil u r-Renju Unit.