Internazzjonali

L-Iran: L-ajruplan Ukren ‘kien iġġarraf minħabba żball uman’

L-awtoritajiet fl-Iran qalu li ‘il-koordinazzjoni żbaljata’ ta’ tagħmir għal difiża kontra l-attakki mill-ajru kienet taħti għat-twaqqigħ, bi żball, ta’ ajruplan tal-passiġġieri tal-Ukrajna — liema inċident imur lura għal Jannar li għadda.

L-Organizzazzjoni tal-Avvjazzjoni Ċivili fl-Iran ħarġet rapport li, fost oħrajn, jorbot it-traġedja mal-element tal-iżball uman u ‘komunikazzjoni fqira fuq livell militari’.

Fl-inċident tat-8 ta’ Jannar, l-ajruplan tal-Ukraine International Airlines kien intlaqat minn żewġ missili ftit wara li tela minn ajruport f’Tehran – u bir-riżultat li mietu l-176 persuna abbord. L-inċident seħħ fi żmien ta’ tensjoni akuta bejn l-Iran u l-Istati Uniti u meta d-difiżi tal-ajru tal-Iran kienu fuq l-ogħla livell ta’ allert.

L-Iran, għall-bidu, kien ċaħad għar-responsabbiltà iżda ladarba l-uffiċjali tas-servizzi sigrieti tal-Punent qalu li kien hemm ‘il-provi kollha ta’ sehem mill-Iran’, l-awtoritajiet Iranjani ammettew l-iżball, bl-iskuża li ‘kienu fixklu l-ajruplan ma’ missila cruise’.

Il-President Iranjan, Hassan Rouhani, wara, kien fisser it-tiġrif tal-ajruplan bħala ‘ir-riżultat ta’ miskalkulazzjoni traġika’.