Internazzjonali

Polonja: Rebħa elettorali għall-President, iżda s-sitwazzjoni xorta tħalli lok għall-inċertezza

Il-President Pollakk Andrzej Duda kiseb rebħa minima iżda ferm sinifikanti fuq l-isfidant, Rafal Trzaskowski fit-tieni rawnd tal-elezzjoni Presidenzjali, b’dan ir-riżultat kapaċi, ‘il quddiem, iħalli impatt kbir fuq ir-relazzjonijiet ta’ Varsavja mal-Unjoni Ewropea.

Ir-rebħa ta’ Duda kienet ikkonfermata b’51.2 fil-mija tal-voti, bir-rebħa tkun anki l-aktar waħda minima fiż-żmien kollu li ilhom isiru l-elezzjonijiet għall-Presidenza tal-Polonja wara t-tmiem tal-komuniżmu, fl-1989.

Il-futur tar-relazzjonijiet mal-UE kien fost l-aktar issues li spikkaw f’din l-elezzjoni. Dan meta Duda hu politiku konservattiv soċjali alleat mal-Gvern Pollakk li qed jitmexxa mill-Partit (PiS) tal-Liġi u Ġustizzja. Intant, Rafal Trzaskowski hu s-sindku liberali tal-kapitali Varsavja.

Sadanittant, ir-rebħa għal Duda għandha twassal għal riformi ġodda u kontroversjali għall-ġudikatura tal-pajjiż. Mistenni wkoll li l-amministrazzjoni tinsisti aktar minn qatt qabel kontra l-abort u d-drittijiet għall-omosesswali.

S’issa, laħqu daħlu r-riżultati minn 99 fil-mija tal-kostituwenzi kollha fil-Polonja u għaldaqstant, ir-riżultat finali tal-elezzjoni ( jiġifieri r-rebħa għal Duda) ma kellux ikun affettwat. Il-konkorrenza tal-Pollakki li vvutaw fl-elezzjoni kienet stabbilita mat-68.2 fil-mija.

Min-naħa tiegħu, il-grupp tal-Pjattaforma Ċivika (PO) fl-Oppożizzjoni li qed jappoġġja lil Rafal Trzaskowski qal li qiegħed jiġbor l-informazzjoni dwar ‘l-irregolaritajiet li seħħew waqt il-vot’ – fosthom rapporti li l-Pollakki li jgħixu barra pajjiżhom ma rċevewx fil-ħin id-dokumenti meħtieġa biex jibgħatu l-voti tagħhom bil-posta fiż-żmien xieraq u stabbilit.

Fl-istess ħin, hemm xi analisti li jemmnu li l-vantaġġ minimu għal Duda fuq ir-rivali tiegħu kapaċi, ‘il quddiem, jirriżulta f’xi kuntestazzjoni tar-riżultat fil-qorti. Uħud minn dawn l-analisti ma jeskludux li fil-jiem li ġejjin ikun hemm il-protesti mill-elementi tal-Oppożizzjoni Pollakka, bil-kwistjoni ‘tal-elezzjoni’ kapaċi anki tispiċċa quddiem il-Qorti Suprema tal-Polonja.

L-elezzjoni għall-Presidenza suppost li kellha ssir f’Mejju, fi żmien meta Andrzej Duda kien qed igawdi vantaġġ sostanzjali skont l-istħarriġ ta’ opinjoni u meta hu kellu ċans akbar li jaċċerta mir-rebħa fl-ewwel rawnd tal-proċess.

Il-Gvern Pollakk, dak iż-żmien, kien qed jinsisti biex il-vot isir f’Mejju xorta waħda avolja l-pandemija tal-coronavirus fil-pajjiż kien għadu ma laħħaqx l-eqqel tiegħu. Madankollu, il-Gvern kellu jċedi ladarba sieħeb żgħir fil-koalizzjoni ħareġ jappoġġja lill-Oppożizzjoni fi stqarrija li l-Partit PiS ‘kien qed ipoġġi l-politika qabel is-saħħa’.