Lokali Qorti

Raġel li ġie arrestat u tressaq il-Qorti wara sejba ta’ droga jingħata l-libertà proviżorja

Raġel li ġie arrestat nhar is-Sibt wara nofsinhar waqt rejd ta’ droga f’Birżebbuġa, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.

Kleaven Agius, ta’ 24 sena, minn Ħaż-Żabbar, ġie arrestat f’operazzjoni mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wara suspett minn uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit fuq movimenti ta’ karozza Daihatsu Sirion li qed jinstaq fit-toroq ta’ Birżebbuġa għall-ħabta tal-4pm.

Ix-xufier għalhekk twaqqaf u saret tfittxija fil-vettura tiegħu. Il-Pulizija għamlu wkoll tfittxija fid-dar tar-raġel. Mit-tfittxija nstabu ammonti konsiderevoli ta’ droga kokaina, kannabis u raża tal-kannabis kif ukoll madwar € 12,000 fi flus kontanti.

Agius wieġeb li mhux ħati tal-pussess ta’ kokaina, kannabis u raża tal-kannabis f’ċirkostanzi li jindikaw li d-droga ma kinitx maħsuba biss għall-użu personali tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal talba għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu, wara li sema’ s-sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ €2,000, garanzija personali ta’ € 3,000 u bil-kundizzjoni li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Ishmael Psaila kien l-avukat difensur.