Lokali Qorti

Rakkont makabru li jiddeskrivi kif il-vittma tqattgħet f’biċċiet

Żvolta mhux mistennija fil-każ ta’ Charlene Farrugia hekk kif fil-bidu tal-kumpilazzjoni feġġ isem ġdid li jista’ jkun hu…u mhux John Woods…li wettaq id-delitt 12-il sena ilu.

Il-Brittanniku tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Marseann Farrugia, akkużat b’dan l-assassinju u li ħeba l-katavru tal-vittma, bir-raġel kien iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Uffiċjali tas-CID iddeskriva dettalji makbri tal-qtil ta’ Farrugia….u spjega kif John Woods qal illi t-tfajla kienet tmur tiffitah biex jagħtiha xi flus. Saħaq li hedditu li jekk mhux se jagħtiha flus kienet se tgħid lis-sieħba tiegħu li kien qelibilha, meta dan ma kienx minnu.

Fl-ewwel statement li ta lill-Pulizija, Woods kien qalilhom li kien taha daqqa ta’ sikkina f’għonqha, u poġġa idu fuq ħalqha biex iżommilha n-nifs ….sakemm mietet. Huwa ħalla l-katavru tagħha mgħotti b’saqqu iżda kellu diversi lmenti mgħand residenti li kienu joqogħdu fl-istess blokka li kien hemm riħa tintenn.

Għalhekk qatta’ l-ġisem ta’ Farrugia f’erba’ biċċiet biex ikun jista’ joħorġu f’boroż suwed u ġarrhom fil-karozza tagħħha stess. Wara li rema l-boroż f’żewġ skips f’San Pawl il-Baħar, ħalla l-boroż li kien fihom ir-ras u s-saqajn fis-sur.

Preżenti fl-awla kien hemm oħt il-vittma Noemi Farrugia, li xħin bdiet tisma’ dawn id-dettalji xokkanti ta’ kif inqatlet oħtha, infaqgħet tibki.

L-Uffiċjal tas-CID sostna li fi statement iehor….John Woods semma lil ċertu Jesmond Cassar magħruf bħala ‘It-Tito’… is-suspettat li kellha l-Pulizija lura fl-2008.  

F’Ottubru tas-sena l-oħra, il-Pulizija għamlu konfront bejn Woods u Cassar. Dan ghaliex Woods kien implika lit-Tito fil-qtil ta’ Charlene Farrugia.

L-aħħar stqarrija ta’ Woods saret fit-2 ta’ Lulju li għadda fejn l-attitudni tiegħu kienet totalment differenti.

Il-kumpilazzjoni ġiet aġġornata għal nhar l-Erbgħa, fejn mistenni jixhed missier il-vittma – il-persuna li għamel ir-rapport għand il-Pulizija dwar l-għajbien ta’ bintu.

Għal John Paul Woods dehret l-avukat Roberta Bonello filwaqt li għall-qraba tal-vittma deher l-avukat Mario Mifsud. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Grech u Jonathan Ransley.