Bejn il-Ġimgħa 17 u l-Ħadd 18 ta’ Lulju fi Brussell se jitlaqqa’ summit importanti tal-Mexxejja Ewropej, fejn se jiġi finalizzat mhux biss ir-Recovery Plan kontra l-COVID-19… iżda fuq kollox il-budget għas-seba’ snin li ġejjin.
F’dawn il-ġimgħat kibret il-pressjoni fuq il-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jikseb Budget Ewropew li jkun b’saħħtu. Bil-Prim Ministru jgħid li l-punt tat-tluq f’dawn id-diskussjonijiet “mhuwiex l-aqwa wieħed”.
Skont il-proposta li qed jimbotta l-President tal-Kunsill Charles Michel, il-Budget Ewropew ta’ elf biljun se jkun ibbażat fuq sitt prijoritajiet… b’enfasi akbar fuq il-governanza tajba u s-saltna tad-dritt.
Ftit jiem biss qabel is-summit, il-President tal-Kunsill Ewropew stqarr li d-diskussjonijiet ta’ din il-ġimgħa jafu jkunu diffiċli.
Il-pakkett finanzjarju tal-UE se jiskatta mis-sena li ġejja, u jestendi sas-sena 2027. Dan se jkun qed jinkludi fih l-għajnuna speċifika li qed twiegħed l-UE biex is-27 pajjiż membru jiġġieldu d-daqqa tal-pandemija.
L-aħħar Gvern Nazzjonalista kien kiseb pakkett qawwi ta’ 1.2 biljun ewro, li minnhom gawdew il-ħaddiema, iż-żgħażagħ u l-familji Maltin u Għawdxin – flus li bihom saru proġetti kbar infrastrutturali, toroq u restawr, investiment fis-saħħa, investiment f’Għawdex u programmi edukattivi.