Futbol Sport

Chelsea jegħlbu lit-tim relegat Norwich b’gowl ta’ Giroud

(Ritratt: EPA)

Chelsea għamlu pass ieħor biex jispiċċaw mal-ewwel erbgħa li jfisser post fil-UEFA Champions League staġun ieħor. Fi Stamford Bridge huma għelbu lit-tim relegat Norwich 1-0. Bit-tim ta’ Frank Lampard jilgħab qabel Leicester u Manchester United, kien imperattiv għalihom li jiksbu t-tliet punti wara t-telfa li sofrew kontra Sheffield United fl-aħħar ħarġa tagħhom.

Il-gowl tar-rebħa wasal fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima. Christian Pulisic pinġa kross mix-xellug lejn Olivier Giroud li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Tim Krul. Chelsea jilagħbu kontra Manchester United fis-semifinali tal-FA Cup il-Ħadd qabel konfronti diffiċli kontra Liverpool u Wolves il-ġimgħa d-dieħla. Norwich fuq in-naħa l-oħra jilagħbu kontra Burnley u jsellmu l-Premier League b’konfront kontra Manchester City.