Coronavirus Internazzjonali

COVID-19: Miljuni jirritornaw taħt lockdown

Numru ta’ bliet u Stati f’diversi kontinenti tad-dinja reġgħu imponew kundizzjonijiet tal-lockdown wara li l-infezzjonijiet bil-Covid-19 ħadu spinta ġdida taħt ċirkustanzi diversi.

Dan meta l-ammont tal-infezzjonijiet bil-coronavirus ikkonfermati madwar id-dinja għadda t-13-il miljun mindu faqqgħet il-pandemija.

Id-direttivi għall-‘għeluq mill-ġdid’ tal-ibliet u l-Istati ħarġu fost it-twissijiet mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li ‘kien hemm wisq pajjiżi li qabdu d-direzzjoni żbaljata fl-impenji lejn it-trażżin tal-Covid-19’.

Fl-Istati Uniti, l-Istat ta’ Kalifornja ( l-aktar Stat Amerikan li għandu popolazzjoni kbira) kellu jimponi mill-ġdid restrizzjonijiet wiesgħa wara qabża ‘il fuq fl-infezzjonijiet.

Għalkemm, fil-bidu, l-awtoritajiet f’Kalifornja kienu mfaħħra għal kif ikkonfrontaw il-coronavirus, il-Gvernatur tal-Istat issa ordna l-għeluq tar-ristoranti, ħwienet tax-xorb, postijiet tad-divertiment, iz-zoos u l-mużewijiet bħala prekawzjoni għall-ħarsien tas-saħħa.

Fl-Indja, il-belt ta’ Bangalore tpoġġiet taħt perjodu ta’ kwarantina, effettiva għal ġimgħa waqt li fl-Iran, l-awtoritajiet f’Tehran ( il-belt kapitali) introduċew mill-ġdid restrizzjonijiet simili li se jdumu għal sebat ijiem.

F’Hong Kong, qegħdin ikunu applikati regoli għad-distanza soċjali, b’uħud minn dawn il-miżuri qed ikunu implimentati ‘b’mod aktar riġidu minn qabel’. Il-kumpless ta’ Disneyland f’dan it-territorju wkoll qed jingħalaq – xahar biss wara li kien reġa’ fetaħ għall-pubbliku.

Il-pandemija ma tidhirx li qed tbatti f’reġjuni oħrajn, fost l-introduzzjoni ta’ programmi ġodda ddominati b’lockdowns u prekawzjonijiet oħra.

Dan qed jidher evidenti fil-kontinent tal-Afrika fejn il-belt ta’ Tangiers, fil-Marokk, irritornat taħt lockdown, Dan waqt li qed jitħarsu miżuri riġidi simili fir-reġjun ta’ Analamanga, fil-Madagascar bl-Afrika t’Isfel tintoduċi mill-ġdid il-curfew għal matul il-lejl f’dawn iċ-ċirkustanzi.

L-Amerika Latina wkoll qed tirrapporta inċidenzi ġodda tal-virus, bil-belt ta’ Bogota, il-kapitali tal-Kolombja  u li kienet fl-eqqel tal-fażi inizjali tal-pandemija, tintroduċi lockdown effettiv għal ġimgħatejn.

Dan wara li l-awtoritajiet f’Melbourne, it-tieni l-akbar belt tal-Awstralja, għadhom qed jinsistu biex il-ħames miljun residenti jibqgħu d-dar għall-ħames ġimgħat li ġejjin – bl-Istat ta’ Victoria ( li jinkorpora Melbourne) jagħlaq il-fruntieri ma’ New South Wales u South Australia.

Fil-Lvant Nofsani, kemm Iżrael kif ukoll ix-Xatt tal-Punent reġgħu introduċew ir-restrizzjonijiet minħabba żieda allarmanti fil-każi tal-Covid-19.

Sadanittant, distrett ta’ Manila, il-belt kapitali tal-Filippini, fil-jiem li ġejjin mistennija timponi lockdown ta’ ġimgħatejn – bl-Użbekistan ilu għaddej minn ‘tieni lockdown’ mill-10 ta’ Lulju; bil-miżuri jestendu sal-Ewwel ta’ Awwissu.

Fi żviluppi oħra…

Ir-Renju Unit kapaċi jsofri mal-120,000 mewta ġdida mill-coronavirus waqt tieni mewġa ta’ infezzjonijiet li mistennija għal matul ix-xhur tax-xitwa. Intant, il-maskri tal-wiċċ, mill-24 ta’ Lulju, iridu jintlibsu bil-fors min-nies li jridu jidħlu fil-ħwienet tal-Ingilterra.

Fl-Istati Uniti, it-tabib Anthony Fauci li hu espert ewlieni dwar il-mard li jittieħed, qed jiffaċċja sensiela ta’ ‘attakki’ mill-Gvern immexxi mill-President Amerikan, Donald Trump.

Fl-aħħar xhur, Fauci kien l-aktar personalità prominenti , fi żmien meta pajjiżu kien qed iħejji r-reazzjoni għall-virus — iżda issa hu spiċċa ‘fil-mira tal-White House’ wara li kontradixxa diversi drabi l-kummenti ta’ Trump dwar il-pandemija. Il-White House qed jikkritika b’mod partikulari lil Fauci dwar ‘il-pariri differenti u konfliġġenti tiegħu’ fejn jidħol ilbies tal-maskri, flimkien ma r-rimarki li hu kien għadda rigward ‘is-severità tal-Covid-19’.