Lokali

Ebda każi ġodda għall-ħames jum konsekuttiv

Ebda każi ġodda ta’ Covid-19 matul l-aħħar 24 siegħa. Minkejja li għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat kellna numri baxxi, din hi l-ewwel darba minn mindu feġġ il-Coronavirus f’pajjiżna fil-bidu ta’ Marzu li kellna ħamest ijiem konsekuttivi mingħajr każi ġodda.

Dan ir-riżultat wasal wara li saru 931 swab test matul dawn l-aħħar sigħat. Min-naħa l-oħra ma kienx hemm persuni li fiequ u għaldaqstant in-numru ta’ każi attivi jibqa’ ħamsa.

Din l-informazzjoni ingħatat permezz tal-paġna fuq Facebook tal-Ministeru tas-Saħħa.

Għaldaqstant in-numri totali baqgħu l-istess, 674 każ mis-7 ta’ Marzu sa issa, 660 li fiequ mill-virus u 9 persuni li sfortunatament tilfu ħajjithom.

B’kollox saru iktar minn 108,500 swab test f’dawn l-aħħar ħames xhur.

Intant, l-Erbgħa, l-Ajruport Internazzjonali mistenni jiftaħ għal 28 destinazzjoni oħra wara li ġimgħatejn ilu infetaħ parzjalment għal numru limitat ta’ destinazzjonijiet.

Anki l-portijiet jinsabu mill-ġdid miftuħa għall-passiġġieri. Filwaqt li l-vjaġġi bil-katamaran baqgħu għaddejjin bil-merkanzija biss, mill-bidu ta’ dan ix-xahar, il-vjaġġi bejn Malta u Sqallija kienu miftuħin ukoll għall-passiġġieri.

Sa issa għadhom ma daħlux cruise liners minn mindu faqqgħet il-pandemija f’pajjiżna. L-ewwel cruise liners mit-tmiem tal-emerġenza medika mistennija jaslu fil-Port il-Kbir minn nofs Awwissu ‘il quddiem hekk kif il-kumpaniji ewlenin jerġgħu jinkludu l-port ta’ Malta bħala destinazzjoni hekk kif is-suq tal-cruises fil-Mediterran jibda jirpilja.