Internazzjonali

Franza: Jum Bastilja b’differenza u dedika lill-ħaddiema tas-saħħa

Franza, illum, onorat lill-ħaddiema tas-saħħa waqt programm ta’ avvenimenti għal Jum Bastilja – iċ-ċelebrazzjoni nazzjonali annwali – li mxiet b’mod differenti mis-snin preċedenti. L-anniversarju jfakkar meta,fl-14 ta’ Lulju tal-1789, in-nies kienu assedjaw il-ħabs ta’ Bastilja f’Pariġi fost il-bidu tar-Rivoluzzjoni Franċiża storika.

Filwaqt li l-awtoritajiet ħassru l-parata militari tradizzjonali minħabba l-kriżi tal-Covid-19, l-avveniment inbidel f’ċerimonja nazzjonali ta’ ‘radd il-ħajr’ lill-ħaddiema tas-saħħa u kulmin ta sehmu lejn it-trażżin tal-coronavirus. Il-membri fl-udjenza kienu jinkludu qraba tal-ħaddiema Franċiżi li mietu bil-Covid-19.

Din kienet l-ewwel darba li ma saritx il-parata militari annwali ta’ Pariġi mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1945. Mal-2,000 suldati Franċiżi, intant, inġabru għal ċerimonja fil-Place de la Concorde ta’ Pariġi fejn spikkat tislima lill-Ġeneral Charles de Gaulle li, 80 sena ilu, kien ħareġ bid-dikjarazzjoni famuża biex Franza tirreżisti l-okkupazzjoni ta’ artha min-Nażisti.

Sar ukoll fly past tradizzjonali bl-ajruplani  militari kif ukoll b’ajruplan tat-trasport li intuża għall-pazjenti tal-Covid-19 waqt l-eqqel tal-pandemija fi Franza.

L-avveniment f’Pariġi sar sigħat wara żvilupp importanti ieħor, fejn il-Gvern Franċiż qabel biex jagħti ż-żidiet fis-salarji sostanzjali lill-ħaddiema tas-saħħa Franċiżi, bħala parti minn pakkett ekwivalenti għal 8 biljun ewro.