Lokali

“Għadna qed ninvestigaw” – Il-Kummissarju tal-Pulizija

“Jekk insibu xi nuqqasijiet, tittieħed l-azzjoni meħtieġa”.

Hekk wieġeb kelliem għall-Kummissarju tal-Pulizija għall-mistoqsija ta’ Net News jekk hux se jittiieħdu passi kontra l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla. Dan b’rabta ma’ dak li qed jgħid l-istess Abdilla fix-xhieda tiegħu bħala parti mill-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-imħallfin fl-inkjesta pubblika kemm-il darba tħallew b’ħalqhom miftuħ u mistagħġba għal dak li kien qed jixhed quddiemhom Abdilla, fost l-oħrajn ammissjonjiet varji li ma ħax azzjoni fuq allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus, u stqarrijet tat-tip “il-Pulizija ma ssejjaħx lil persuni għall-interrogazzjoni jekk ma jkollhiex evidenza konkreta”. L-imħallfin f’ħin minnhom stqarrew li donnu Abdilla jgħix fi pjaneta oħra.

Madankollu u minkejja dan, jidher li sa issa l-Pulizija ma tħossx li Abdilla naqas b’xi mod mid-dmirijiet tiegħu meta ma ħax azzjoni fosthom kontra persuni politikament esposti.