Fi stħarriġ ġdid ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew u li sar fit-tieni nofs ta’ Ġunju 2020, ħareġ li kważi sebgħa minn kull għaxar parteċipanti (68%) iridu li l-UE jkollha rwol aktar b’saħħtu biex tiġġieled din il-kriżi.
Aktar minn nofs il-parteċipanti (56%) jemmnu li dan jirrikjedi mezzi finanzjarji akbar għall-UE li għandhom primarjament jindirizzaw l-impatt tal-pandemija fuq is-settur tas-saħħa u tal-ekonomija.
Fost il-Maltin, 84% huma tal-opinjoni li l-UE għandu jkollha rwol aktar b’sahhtu u huma 62% tal-Maltin li jaqblu li dan jirrikjedi mezzi finanzjarji ikbar. Aktar minn nofs il-parteċipanti (54%) għadhom mhumiex sodisfatti bis-solidarjetà murija bejn l-Istati Membri tal-UE matul il-pandemija, għalkemm aktar nies issa għandhom opinjoni aktar pożittiva milli kellhom f’April (+5 punti).
F’kummenti fuq ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ, il-President tal-PE David Sassoli qal: “Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ juru biċ-ċar li ċ-ċittadini tal-UE jistennew li l-UE turi aktar solidarjetà u tieħu aktar azzjoni biex tgħin fl-irkupru. Huma rrikonoxxew ukoll il-ħtieġa għal baġit tal-UE akbar biex jindirizza l-impatt bla preċedent li kellha l-pandemija fuq l-ekonomija u s-soċjetà tagħna.Fil-kuntest tan-negozjati tal-baġit li għaddejjin bħalissa, il-Parlament jappoġġa liċ-ċittadini fit-talba tagħhom għal UE aktar effettiva u ambizzjuża.
“Għarfien mifrux – u s-sodisfazzjoni – dwar l-azzjonijiet tal-UE kontra l-COVID-19 qed jikbru
Tlieta minn kull erba’ ċittadini Ewropej (76%) semgħu bid-diversi miżuri li pproponiet l-UE biex tiġġieled il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19. 36% tal-parteċipanti, żieda ta’ 3 punti meta mqabbel mal-ewwel stħarriġ ta’ dan it-tip li sar f’April, ukoll jafu dawn il-miżuri x’inhuma. Fost dawk li semgħu bil-miżuri tal-UE kontra l-COVID-19, 49% jinsabu sodisfatti bihom. Żieda ċara ta’ medja ta’ kważi 7 punti (meta mqabbla ma’ 42% f’April) tikkonferma li l-appoġġ pubbliku għall-miżuri proposti qed jikber. Ħafna minn dawn il-miżuri għad iridu jiġu implimentati.
Il-maġġoranza għadha mhux sodisfatta bis-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE
Filwaqt li aktar minn nofs il-parteċipanti madwar l-UE (54%) mhumiex sodisfatti bis-solidarjetà murija bejn l-Istati Membri tal-UE matul il-pandemija, medja ta’ 39% taċ-ċittadini tal-UE qalu li huma sodisfatti. Din hija żieda medja ta’ 5 punti sa minn April 2020, li tidher l-aktar fil-Portugall u fi Spanja (it-tnejn li huma +10 punti), fil-Ġermanja, fil-Greċja u fis-Slovakkja (it-tnejn li huma madwar +7 punti). L-UE għandha ttejjeb l-għodod komuni biex tiffaċċa kriżijiet bħal tal-COVID-19Madwar żewġ terzi tal-parteċipanti (68%) jaqblu li “l-UE għandu jkollha aktar kompetenzi biex tindirizza kriżijiet bħall-pandemija tal-Coronavirus”. Din l-opinjoni hija appoġġata minn maġġoranza assoluta f’26 Stat Membru.
L-aktar appoġġ qawwi għal aktar kompetenzi tal-UE ġej mill-parteċipanti fil-Portugall u l-Lussemburgu (it-tnejn 87%), Ċipru (85%), Malta (84%), l-Estonja (81%), l-Irlanda (79%), l-Italja u l-Greċja (it-tnejn 78%), kif ukoll Spanja (76%) u l-Bulgarija (74%).
Il-maġġoranza assoluta tal-Ewropej jappoġġaw baġit tal-UE akbar biex tiġġieled il-COVID-19
56% tal-Ewropej jemmnu li l-UE għandu jkollha mezzi finanzjarji akbar biex tkun tista’ tegħleb il-konsegwenzi tal-pandemija tal-coronavirus. Fi 15-il Stat Membru tal-UE, maġġoranza assoluta tal-parteċipanti taqbel ma’ dan, l-aktar fil-Greċja (79%), Ċipru (74%), Spanja u l-Portugall (it-tnejn 71%). Għal Malta ċ-ċifra hija ta’ 62%.
Meta ġew mistoqsija dwar oqsma ta’ politika li fihom dan il-baġit akbar tal-UE għandu jintefaq, iċ-ċittadini Ewropej poġġew is-saħħa pubblika fl-ewwel post. 55% tal-parteċipanti huma tal-fehma li l-infiq fuq is-saħħa pubblika huwa l-aktar importanti. Dan ġie l-ewwel fi 17-il Stat Membru tal-UE. Wara din l-ogħla prijorità ġew l-irkupru ekonomiku u opportunitajiet ġodda għan-negozji (45%), l-impjiegi u l-affarijiet soċjali (37%), kif ukoll il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (36%).
Fl-Italja (58%), fil-Kroazja (57%), fis-Slovenja (55%) jew fil-Litwanja (54%), ġie l-ewwel il-finanzjament tal-irkupru ekonomiku, filwaqt li ċ-ċittadini fid-Danimarka (45%), fil-Finlandja (46%) u fis-Slovakkja (63%), iqisu t-tkomplija tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bħala l-ogħla prijorità tal-UE. F’Malta wkoll hija s-saħħa pubblika fl-ewwel post, segwita mill-immigrazzjoni, l-edukazzjoni u t-tħarriġ u l-ħarsien tal-ambjent.
Id-diffikultajiet finanzjarji personali għadhom sinifikanti
Indikatur ċar ta’ kemm hu importanti li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-Pakkett ta’ Rkupru mill-aktar fis possibbli hija s-sitwazzjoni finanzjarja personali taċ-ċittadini Ewropej sa mill-bidu tal-pandemija: kważi mingħajr tibdil minn April, 57% tal-parteċipanti jgħidu li ġarrbu diffikultajiet finanzjarji personali. Il-biċċa l-kbira semmew it-“telf ta’ dħul” (28%), li ssemma bħala problema ewlenija f’21 Stat Membru, bl-akbar għadd fl-Ungerija u fi Spanja (it-tnejn 43%), il-Bulgarija u l-Greċja (it-tnejn 41%) kif ukoll l-Italja (37%).
Inqas inċertezza u biża’, jiżdiedu t-tama u l-kunfidenza
Żvilupp sinifikanti jidher ukoll f’kif qed iħossuhom il-parteċipanti waqt il-kriżi. Ċittadini minn 15-il Stat Membru għażlu “tama” (41% b’mod ġenerali) biex jiddeskrivu bl-aħjar mod l-istat emozzjonali tagħhom. Dan is-sentiment issa jinsab it-tieni, qrib ħafna ta’ “inċertezza”, li semmew 45% tal-parteċipanti, li naqas b’5 punti meta mqabbel ma’ April (50%). Is-sentimenti negattivi qed jonqsu b’mod ġenerali: “biża'” (22%, -5), “frustrazzjoni” (27%, -4), “ma nafx x’naqbad nagħmel” (21%, -8), filwaqt li sentimenti ta’ “kunfidenza” żdiedu b’4 punti għal 24% u “lest ngħin” b’2 punti għal 16% bħala medja għall-UE.
//= $special ?>