L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżvilupptari (MDA) tinsab imħassba ferm dwar il-burokrazija żejda li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-membri tagħha. Burokrazija, li skont l-assoċjazzjoni qed iżomm lill-ekonomija Maltija milli tirkupra.
L-MDA appellat lill-Gvern u lill-awtoritajiet biex jaraw kif se jsolvu din il-problema qabel ma jkun tard wisq.
L-MDA qalet li qed tirċievi ħafna lmenti dwar dan, u minkejja l-miżuri li ħabbar il-Gvern fis-settur, il-pajjiż qiegħed jirriskja kollass totali fl-investiment hekk kif il-burokrazija fid-dipartimenti differenti tal-Gvern u l-banek qed jagħmluha kważi impossibbli biex taħdem.
L-assoċjazzjoni qalet li l-burokrazija laħqet livelli li ma rajniex bħalhom f’dawn l-aħħar 25 sena u insistiet li dawk responsabbli jiżguraw li investituri ma jiġux imfixkla milli jinvestu, għax bl-investiment biss nistgħu nibdew it-triq biex l-ekonomija terġa’ tirpilja.