Lokali Qorti

Ir-raġel mixli li spara fuq il-karozza tal-eks raġel tas-sieħba tiegħu jingħata l-libertà proviżorja

Ir-raġel li qed jiġi akkużat li fit-30 ta’ Ġunju għadda f’Ħad-Dingli spara b’senter fuq il-karozza tal-eks raġel tas-sieħba tiegħu ngħata l-libertà proviżorja mill-Qorti tal-Maġistrati. L-imsemmija talba kienet ġiet miċuda nhar il-Ħamis, 2 ta’ Lulju li għadda meta bdiet il-kumpilazzjoni.

Joseph Cardona ta’ 29 sena mis-Siġġiewi ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €3,000. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-parte civile biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittmi, nkluż it-tfal.

Cardona, li huwa xufier tat-trakkijiet qed jiġi mixli quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello b’attentat ta’ ferita gravi fil-konfront ta’ Simon u ibnu Raymond Azzopardi u wlied dan tal-aħħar.

Huwa qed jiġi akkużat ukoll li kkawża biża’ bi vjolenza fuq diversi persuni, li kkawża ħsara, li nsulenta u hedded, li ġarr arma tan-nar fil-pubbliku mingħajr liċenzja, li spara b’arma f’żona abitata, li kiser il-kundizzjonijiet tal-liċenzja dwar l-armi u li ġarr arma tan-nar waqt il-kummissjoni tar-reat.

Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih mill-Ispettur Stacy Attard, fuq inċident li seħħ fit-30 ta’ Ġunju, wara li l-Pulizija kienu ġew infurmati li kienu sparata tiri ‘Ħad-Dingli, fl-inħawi li jgħidulu tal-Kalkara.

Il-Pulizija li waslu fuq il-post kienu sabu lil Simon u Raymond Azzopardi ma’ żewġt itfal ta’ 12 u 14-il sena rispettivament. Huma qalu lill-Pulizija li kienu se jmorru lura lejn ir-razzett tagħhom meta raw lil Angie Azzopardi, l-ex-sieħba ta’ Raymond u ħabiba tal-akkużat.

Hija kienet daqqet il-ħorn u f’dak il-mument, ġie sparat tir minn fuq id-direzzjoni ta’ karozza l-oħra. Mal-wasla fuq il-post, il-Pulizija sabu senter fil-pussess ta’ Cardona.

Skont id-difiża Cardona huwa f’relazzjoni mal-ex mara ta Raymond Azzopardi, u li dawn miż-żwieġ kellhom żewġt itfal. Jidher li l-mara qed isibha diffiċli biex ikollha aċċess għat-tfal u li allegatament Raymond qed jagħmilha diffiċli jew impossibbli li t-tfal jiġu rritornati fil-ħin speċifikat fid-digrieti tal-aċċess mill-Qorti.

L-avukati Joe Giglio u Roberta Bonello qegħdin jidhru għall-akkużat. Filwaqt li l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri huma parte civile fil-każ.