Internazzjonali

Jinqatel Ġeneral Ażeri waqt konfront mal-militar tal-Armenja

L-Ażerbajġan qed jgħid li Ġeneral tal-Armata tiegħu inqatel, flimkien ma’ ħames fizzjali oħra, waqt tielet jum ta’ ġlied bejn il-qawwiet Ażeri u tal-Armenja fl-inħawi tal-fruntiera komuni.

L-Ażerbajġan qal li l-ġlied intensiv għadu għaddej fid-distrett ta’ Tovuz li jmiss mal-fruntiera ta’ Tavush, lejn il-grigal tal-Armenja. Intant, l-Armenja sostniet li tilfet żewġ uffiċjali militari waqt l-aħħar konfronti. Dan meta r-reġjun polemikuż ta’ Nagorno Karabakh ( lejn in-nofsinar miz-zona tal-ġlied) għaddej minn perjodu ġdid ta’ tensjoni.

Iż-żewġ pajjiżi rivali qed jakkużaw lil xulxin dwar ‘bumbardamenti fuq l-inħawi ta’ ċivili’ — bl-Ażeri jallegaw ‘il-qtil ta’ persuni mill-isparar tal-Armeni fuq il-villaġġ ta’ Agdam.’ Min-naħa tagħhom, l-Armeni qed jakkużaw lill-Ażerbajġan dwar bumbardamenti fuq il-belt ta’ Berd.

Dan wara rapporti rigward il-qtil ta’ suldati Ażeri waqt battalji, fi tmiem il-ġimgħa, li kienu jinvolvu numru ta’ artillerija u tankijiet tal-gwerra.

Sadanittant, il-konflitt ‘storiku’ dwar Nagorno-Karabakh, li hu kontrollat mill-Armeni etniċi, baqa’ mhux solvut.