Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ttanta sesswalment żewġ tfajliet

Raġel inżamm arrestat wara li wieġeb li mhux ħati għal akkużi li aggredixxa sesswalment żewġ tfajliet f’żewġ inċidenti separati matul il-jum fil-Furjana.

Il-każi seħħew it-Tnejn qabel ma l-Pulizija qabdet lil Mohamed Ibrahim Mohamed, ta’ 31 sena, allegatament jimmolesta lit-tieni tifla, ta’ 13-il sena. Jidher li l-Pulizija kienu notifikati bl-aġir tar-raġel minn persuni li nnutaw x’kien qed jagħmel. L-ewwel allegata vittma għandha 11-il sena.

Fil-Qorti, l-Ispetturi John Spiteri u Jeffrey Scicluna, li qed imexxu l-Prosekuzzjoni, spjegaw lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li l-Pulizija tad-Distrett irċievew rapport li t-tfajla ta’ 11-il sena kienet qed tiġi ttantata minn raġel.

Allegatament, it-tfajla kienet miexja lejn dar nannitha meta r-raġel ħatafha minn wara. Min-naħa l-oħra, waqt li allegatament kien qed jattakka lit-tfajla ta’ 13-il sena, hu nqabad fil-fatt.

Mistoqsi mill-Qorti, ir-raġel wieġeb li mhux ħati. Madankollu, ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, anke minħabba li m’għandux residenza fissa. Il-Qorti żammet lir-raġel arrestat, filwaqt li ordnat li isem it-tfajliet ma jkunux ippubblikati.

L-Avukat Raisa Colombo qed tidher bħala Avkat tal-Għajnuna Legali għall-akkużat.