Edukazzjoni Lokali

Joħorġu r-riżultati ta’ 4,000 student

Dik li kienet sena skolastika għal kollox differenti minn dawk tas-soltu inghalqet b’mod ufficjali llum, meta ġew ippubblikati r-riżultati tal-MATSEC ghal madwar 4,000 student.

Din hija l-ewwel darba minn kemm ilhom isiru li l-eżamijiet tal-MATSEC ma sarux b’mod normali minħabba s-sena sfrattata hekk kif l-iskejjel ingħalqu f’Marzu bħala parti mir-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-Covid-19.

Il-Bord tal-Matsec kien iddeċieda li peress li ma kienx se jkun possibbli li l-istudenti jpoġġu għall-ezamijiet b’mod tradizzjonali, kellhom jittieħdu l-marki tal-mocks kif ukoll il-marki fuq xogħol li kien laħaq sar matul is-sena u fis-snin ta’ qabel, biex b’hekk tkun tista’ toħroġ marka ġusta.

Il-proċess biex jinħarġu dawn il-marki ħa erba’ xhur, u jidher li l-marki kienu fl-istess livelli tas-sena li għaddiet fis-suġġetti prinċipali, jiġifieri l-Malti, il-Matematika u l-Ingliż.

Il-Matsec kellu joħroġ marki fuq eżamijiet f’total ta’ 42 suġġett, ghal studenti minn 45 skola differenti li jinkludu 16-il skola tal-istat, 22 skola tal-Knisja, u seba’ skejjel indipendenti.

77.1% tal-istudenti kollha għaddew mil-Malti u mil-Matematika, filwaqt li ftit inqas għaddew mill-Ingliż, bil-perċentwal ta’ dawk li fallew ikun ta’ 33.5%

L-istudenti li mhumiex sodisfatti bil-marka li ngħatatilhom jistgħu ipoġġu għall-ezami f’Settembru u wiehed jista’ japplika bejn is-17 u l-24 ta’ Lulju li gej.

Tags