F’jum, immarkat minn għadd ta’ inċidenti tat-traffiku, raġel ta’ 31 sena residenti l-Fgura, sab ruħu fl-Isptar Mater Dei wara li sofra ġrieħi gravi
f’inċident tat-traffiku f’Raħal Ġdid.
Għall-ħabta tas-13.10pm l-Pulizija ġiet infurmata permezz ta’ telefonata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Kristu Re, f’Raħal Ġdid minħabba li kienet seħħet ħabta bejn vettura u mutur.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fil-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn il-vettura tal-għamla Peugeot, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 21 sena residenti Raħal Ġdid, u l-mutur tal-għamla Yamaha, li kien qed jinstaq mill-vittma.
Ix-xufier tal-mutur ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.
//= $special ?>