Lokali

Kelb tax-xamm isib aktar minn €22,000 fi flus kontanti fuq passiġġier

Intervent minn Stan, kelb tax-xamm li jaħdem fis-Sezzjoni tal-Klieb tad-Dwana ta’ Malta, wassal għas-sejba ta’ aktar minn €22,000 li kienu f’bagalja ta’ passiġġier appena wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn Frankfurt.

Fi stqarrija kien spjegat li l-passiġġier ma ddikjarax l-ammont eċċessiv ta’ flus li ġab miegħu. Għaldaqstant, wara l-intervent ta’ Stan saret tfittxija fuq il-persuna tal-passiġġier. It-tfittxija wasslet għas-sejba ta’ €22,130, li jrid iħallas multi għalihom skont kif tiddeċiedi l-Qorti.

Dan hekk kif, fi stqarrija, id-Dipartiment tad-Dwana fakkar li aktar minn €10,000 fi flus kontanti għandhom ikunu ddikjarati kemm jekk persuna tkun sejra jew ġejja f’pajjiżna. Liġijiet simili japplikaw ukoll f’għadd ta’ pajjiżi oħrajn.