Internazzjonali

L-attriċi Naya Rivera mietet wara li salvat lil binha

L-attriċi Naya Rivera, magħrufa aħjar għall-irwol li interpretat fis-sensiela Amerikana Glee, Santana Lopez, użat l-aħħar ftit enerġija li kellha sabiex salvat lil binha ta’ 4 snin mill-għarqa, destin kiefer li ma setgħetx twarrab minnu lilha nfisha.

Hekk sostnew kelliema għall-Awtoritajiet Amerikani wara li tul il-jum tat-Tnejn instab ġisem bla ħajja f’Lake Piru f’Kalifornja fejn kelliema għall-Ventura County saħqu li jinsabu kunfidenti li l-kadavru huwa ta’ Rivera.

L-attrici ta’ 33 sena kienet ilha nieqsa mill-jum tal-Erbgħa wara li kriet dgħajsa sabiex flimkien ma’ binha ħarġu fil-lag – madanakollu fuq id-dgħajsa instab biss it-tfajjel ċkejken; b’dan tal-aħħar jirrakkonta kif ommu sparixxiet taħt wiċċ l-ilma.

Bosta kollegi, ħbieb u segwaċi esprimew id-dieqa tagħhom fuq il-midja soċjali għat-telfa ta’ Naya Rivera. Dan filwaqt li kelliema għall-Awtoritajiet saħqu li għad iridu jikkonfermaw li l-kadavru huwa effettivament tal-attriċi mill-awtopsja.

Rivera hija t-tielet membru tal-kast ta’ Glee li tilfet ħajjita wara Cory Monteith u Mark Salling.