Lokali

L-Awditur Ġenerali qed jixtarr l-MoU

Wara li dalgħodu Netnews.com.mt żvela li l-Memorandum of Understanding kien instab, kelliem għall-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali kkonfermalna li d-dokument ingħadda lilhom aktar kmieni dalgħodu.

L-istess kelliem qal li dan id-dokument sigriet diġà qed jiġi analizzat mill-Awditur Ġenerali.

Net News staqsa jekk hux se jkun qed jiġi ppubblikat dan il-Memorandum of Understanding li rabat lill-Gvern Malti li jgħaddi t-tliet sptarijiet lill-kumpanija dubbjuża Vitals Global Healthcare. L-NAO wieġeb li f’dan l-istadju peress li l-Uffiċju għadu għaddej bl-analiżi tiegħu tad-dokument, l-MOU mhux se jkun ippubblikat.

L-Awditur Ġenerali ftit tal-jiem ilu ppubblika rapport li kkundanna l-kuntratt tal-Vitals b’mod ċar u qawwi ħafna u ddeskrivih bħala kuntratt li “ma kellu qatt isir”.