Lokali

AĠĠORNATA: Tkompli d-diskussjoni fil-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN

L-Eżekuttiv tal-PN illejla approva l-Kummissjoni Elettorali, Data u Rekords li se tkun komposta miċ-Chairperson Gejtu Vella, Viċi Chairperson Ivan Castillo, u Marion Portelli, George Cremona u l-avukat Danica Caruana bħala membri.

Approvata wkoll il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media Soċjali magħmula mill-Professur Joe Pirotta bħala chairperson, l-avukat Roberta Bonello, l-avukat Jean Karl Soler, n-nutar Michael Laferla, u l-avukat Arthur Galea Salomone.

Dawn l-ismijiet ġew diskussi u proposti mill-Amministrattiv tal-PN.

Iż-żewġ Kummissjonijiet il-ġodda huma parti mir-riforma li nieda l-PN fl-aħħar xhur, u joħorġu mill-istatut il-ġdid li approva f’Ġunju l-Kunsill Ġenerali tal-PN.

AKTAR KMIENI

Il-Partit Nazzjonalista illejla qed ilaqqa’ l-Kumitat Eżekuttiv fid-Dar Ċentrali, bid-diskussjoni immexxija mill-President Alex Perici Calascione. Il-laqgħa bdiet ftit qabel it-8pm.

L-Eżekuttiv Nazzjonalista jitlaqqa’ b’mod regolari kull xahar, iżda kif wieħed jistenna, dan l-Eżekuttiv mistenni jitratta l-qagħda politika attwali partikolarment wara l-vot li ntalab il-ġimgħa li għaddiet fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u d-deċiżjoni li tħabbret ilbieraħ mill-President George Vella.

Waqt l-istess laqgħa mistennija jitwaqqfu b’mod ufficjali żewġ strutturi ġodda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista; il-Kummissjoni Elettorali, Data u Rekords kif ukoll il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media Soċjali.

Qabel bdiet il-laqgħa kien hemm laqgħa separata tal-Kunsill Amministrattiv.