Sport

Milqugħa żewġ proposti tal-PN dwar għajnuna lill-għaqdiet u klabbs sportivi

Żewġ proposti fost ħafna li l-Partit Nazzjonalista ressaq dwar l-isport fil-ġimgħat tal-Covid-19, ġew milqugħa. F’Mejju li għadda, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar ressaq diversi proposti biex jgħinu lill-isport, li sofra mhux ftit kawża tal-pandemija.

F’mistoqsija Parlamentari, id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar staqsa għal diversi drabi jekk l-għaqdiet u l-klabbs sportivi hux se jkunu qed jibbenefikaw minn tnaqqis, sussidju jew eżenzjoni fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’rata kummerċjali, kif tħabbar fil-mini-budget mill-Gvern ftit ġimgħat ilu. Fir-risposta tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri qal li “dawk l-għaqdiet/klabbs sportivi li diġà għandhom applikazzjoni tal-wage supplement approvata ser ikunu qed jibbenefikaw mill-iskema ta’ assistenza fuq il-kont tal-elettriku.”

B’reazzjoni għal din il-proposta milqugħa, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar qal li “ninsab sodisfatt li proposti mressqa minni f’isem l-Oppożizzjoni ngħataw widen mill-Gvern u SportMalta. Kien l-iskop ewlieni tal-Oppożizzjoni li nressqu proposti fattibbli fl-interess tal-għaqdiet u klabbs sportivi Maltin u Għawdxin, bogħod mill-partiġġjaniżmu politiku.” Robert Cutajar appella lill-Gvern biex jikkunsidra l-proposti l-oħra mressqa minna għaliex żied li b’hekk ikunu jistgħu jkomplu jgħinu lil min jaħdem ġenwinament fil-qasam sportiv f’pajjiżna, f’mument li l-imxija tal-Covid-19 ħalliet l-impatt fuq l-isport. “Għall-Partit Nazzjonalista, l-isport huwa settur li l-Gvern u l-Oppożizzjoni nistgħu naħdmu flimkien mingħajr problemi,” temm jgħid Robert Cutajar.

Din il-proposta kienet waħda minn serje ta’ proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista dwar l-isport, hekk kif dan is-settur intlaqat mhux ftit mill-pandemija tal-Covid-19. Proposta oħra li ntlaqgħet kienet li l-għaqdiet u klabbs ikunu eżentati minn ħlasijiet ta’ miżati jew affiljazzjoni ma’ SportMalta għas-sena d-dieħla. Din il-proposta wasslet biex SportMalta rrinunzjat il-kirjiet u l-ħlasijiet dovuti lilha għal din is-sena. Fost il-proposti l-oħra hemm li l-Gvern għandu jgħin finanzjarjament lill-għaqdiet mingħajr diskriminazzjoni, l-awtoritajiet jisimgħu direttament mingħand l-għaqdiet u l-klabbs sportivi dwar il-problemi li qed jiffaċċjaw u li l-Gvern jgħaddi minnufih flus minn skemi jew inizjattivi li kienu mwiegħda jew hemm impenn fuqhom.