Lokali

AĠĠORNATA: Sewwieq ta’ mutur jitlef ħajtu wara ħabta ma’ karozza

Sewwieq ta’ mutur tilef ħajtu traġikament wara li kien involut f’inċident bejn il-mutur li kien qed isuq u karozza. Ir-raġel mill-Filippini ta’ 48 sena residenti San Pawl il-Baħar sfortunatament tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei, wara li ħabat ma’ vettura tat-tip Landrover misjuqa minn raġel ta’ 37 sena residenti Raħal Ġdid.

L-inċident seħħ fl-4.15pm fi Triq l-Irvellijiet 1956, f’Raħal Ġdid, u minbarra l-Pulizija, fil-post mar tim mediku b’Ambulanza li ħadu lir-raġel l-isptar, fejn sfortunatament tilef ħajtu.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid rigward dan il-każ għadhom għaddejjin.