Internazzjonali

Stati Uniti: Aktar tensjoni fil-kwistjoni tal-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar

L-Istati Uniti qed tiċħad il-jeddijiet taċ-Ċina għar-riżorsi offshore fil-parti kbira taz-zona tal-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar – b’din il-pożizzjoni qed tqanqal il-kritika ta’ Beijing li jinsisti li l-Amerikani qegħdin iżidu t-tensjoni fir-reġjun delikat.

Il-kwistjoni kompliet tikkumplika r-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Gvern komunista Ċiniż, biċ-Ċina tibqa’ ma toffrix bażi legali ‘koerenti’ għall-ambizzjonijiet tagħha f’dik iz-zona ta’ baħar polemikuża.

L-Istati Uniti ilha takkuża liċ-Ċina dwar snin ta’ intimidazzjoni fil-konfront ta’ pajjiżi min-nofsinar tal-Asja li wkoll qed jiddefendu d-drittijiet rispettivi fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, issa rrepeta li l-jeddijiet taċ-Ċina għar-riżorsi offshore fir-reġjun ta’ baħar partikulari huma kompletament illegali, ‘l-istess bħall-isforzi ta’ Beijing biex jintimida u jikkontrolla lill-pajjiżi Asjatiċi oħrajn’.

L-Istati Uniti qed topponi l-pjani taċ-Ċina biex tespandi l-influwenza tagħha fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar u kemm-il darba bagħtet vapuri tal-gwerra lejn iz-zona strateġika biex jagħtu dimostrazzjonijiet dwar ‘id-dritt tan-navigazzjoni ħielsa fl-inħawi’.

Issa qed jidher li Washington beda jħarrax il-pożizzjoni tiegħu f’din il-kwistjoni, b’Mike Pompeo jinsisti li ‘id-dinja mhix se tippermetti li ċ-Ċina tittratta l-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar daqslikieku parti mill-imperu marittima tagħha’.