Mil-lejla jingħata bidu għas-36 ġurnata tal-Premier League fejn tispikka Arsenal kontra Liverpool u Leicester kontra Sheffield United f’partita bejn żewġ timijiet b’ambizzjonijiet għal post fl-Ewropa fl-istaġun li ġej.
Fl-Emirates Stadium Arsenal jilqgħu liċ-champions il-ġodda Liverpool f’partita li tista’ tiddetermina jekk il-Gunners jiksbux post fl-Ewropa l-istaġun li ġej. Arsenal għadhom ġejjin minn telfa fid-derby kontra Tottenham filwaqt li Liverpool għadhom ġejjin minn draw kontra Burnley. Għal Liverpool din il-partita se tkun formalità wara li saru champions ftit ġimgħat ilu.
Leicester jilqgħu lil Sheffield United f’partita li tista’ tkun kruċjali għal Leicester fit-tamiet tagħhom li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa wara t-telfa mhux mistennija kontra Bournemouth fi tmiem il-ġimgħa. Sheffield United se jkunu qed jittamaw li jkomplu fuq ir-rebħa li kisbu fi tmiem il-ġimgħa kontra Chelsea, rebħa li kompliet tqawwilhom it-tamiet li jiksbu post fl-Ewropa.
Chelsea m’għandhom ifallu meta f’darhom jilqgħu lit-tim diġa relegat Norwich City. Il-Blues se jkunu qed jittamaw li jirkupraw miż-żelqa mhux mistennija kontra Sheffield United fi tmiem il-ġimgħa. Norwich se jkunu qed jippruvaw jinżlu lura fiċ-Championship b’rashom ‘il fuq u rebħa fi Stmaford Bridge tkun waħda sorpriża.
Manchester City se jkunu qed jilgħabu l-ewwel partita tagħhom minn meta l-UEFA aċċettat l-appell tagħhom wara d-deċiżjoni li ttieħdet li jkunu sospiżi mill-kompetizzjonijiet Ewropej għal sentejn. Hu se jkunu qed jilgħabu kontra Bournemouth li fi tmiem il-ġimgħa kisbu tliet punti importanti għat-tamiet tagħhom li jsalvaw meta f’darhom għelbu lil Leicester 4-1.
F’St. James’ Park, Newcastle jisfidaw lil Tottenham f’partita importanti għat-tim ta’ José Mourinho fit-tamiet tagħhom li jiksbu post fl-Ewropa l-istaġun li ġej. Fl-aħħar ħarġa tagħhom Tottenham għelbu lir-rivali Arsenal 2-1. Newcastle se jkunu qed jippruvaw jirkupraw mit-telfa ta’ 2-1 ukoll kontra Watford.
Burnley u Wolves se jisfidaw lil xulxin f’partita importanti għaż-żewġ timijiet li għandhom ambizzjonijiet li jiksbu post fl-Ewropa fl-istaġun li ġej. Burnley kisbu punt importanti f’Anfield kontra Liverpool fl-aħħar ħarġa tagħhom. Wolves se jkunu qed jittamaw li jkomplu fuq l-aħħar ħarġa tagħhom meta f’darhom għelbu lil Everton 3-0 f’partita ddominata mit-tim ta’ Nuno Espírito Santo.
Fis-South Coast derby, Southampton jilqgħu lil Brighton f’partita importanti għat-tim ta’ Graham Potter fl-aspirazzjonijiet tagħhom biex isalvaw posthom għal sena oħra fil-Premier League. Southampton se jkunu qed jittamaw li jwettqu dak li għamlu fl-ewwel konfront dan l-istaġun u jirbħu d-derby.
Rebħa għal Aston Villa tkompli tqawwi t-tamiet tagħhom li jsalvaw fil-Premier League meta jilgħabu barra minn darhom kontra Everton, bit-tim ta’ Carlo Ancellotti għadu ġej minn telfa ta’ 3-0 kontra Wolves fi staġun pjuttost deludenti.
Manchester United se jkunu qed jittamaw li jpattuha lil Crystal Palace f’partita li tista’ tkun determinanti għat-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer fit-tamiet tagħhom għal post fiċ-Champions League. Għal Palace din il-partita tiġi wara t-telfa li sofrew kontra Aston Villa minkejja li għandhom posthom ċert għal staġun ieħor fil-Premier League.
Premier League
Illum: Chelsea v Norwich 9.15pm, Għada: Burnley v Wolves 7.00pm, Man City v Bournemouth 7.00pm, Newcastle v Tottenham 7.00pm, Arsenal v Liverpool 9.15pm, Il-Ħamis: Everton v Aston Villa 7.00pm, Leicester v Shef. Utd 7.00pm, Crystal Palace v Man Utd 9.15pm, Southampton v Brighton 9.15pm.
//= $special ?>