Annise Bejaoui, ta’ 31 sena, residenti l-Ħamrun flimkien ma’ sieħbu fil-kamp tal-kriminalità Christopher Scerri ta’ 39 sena, minn Ħal-Qormi ġew ikkundannati tliet snin u nofs ħabs bejniethom fuq serq minn sit ta’ kostruzzjoni fis-Siġġiewi.
Bejaoui, ġie kundannat sentejn ħabs filwaqt li Scerri mar 18-il xahar wara li fil-21 ta’ Mejju ta’ sentejn ilu kienu nqabdu fil-fatt mill-Pulizija fis-sit bil-karozza li kellha l-bagoll miftuħ u minn hemm bdew jitgħabbew numru ta’ travetti.
Nhar il-Ħamis li għadda Bejaoui ġie kundannat 42 xahar ħabs wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ serq ta’ television minn lukanda San Antonio f’San Pawl il-Baħar filwaqt li fit-18 ta’ Ġunju li għadda Scerri kien ikkundannat seba’ snin ħabs wara li nstab ħati li seraq bi €15,000 fi flus kontanti u ġojjellerija minn dar ta’ koppja anzjana waqt li kienet il-quddies.
Fuq il-każ tas-sit ta’ kostruzzjoni li nstema’ quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, s-Surġent Wayne Borg xehed fil-Qorti li matul il-lejl meta kien qiegħed xogħol l-għassa ta’ Hal Qormi ċempel xi hadd biex jgħidilhom li kien ra lil xi ħadd jieħu affarijiet minn sit ta’ kostruzzjoni s-Siġġiewi li tpoġġew f’vettura ta’ tip Nissan Micra.
Din il-persuna segwiet in-Nissan mis-Siġġiewi għal Ħaż-Żebbuġ u Hal-Qormi sa kemm spiccaw il-Marsa; pero hemm tilifhom. Marru Pulizija tad-distrett, inkluz ix-xhud, kif ukoll ta’ l-RIU fuq il-post biex ifittxu din il-vettura; l-ewwel li sabu l-vettura kienu ta’ l-RIU.
Ix-xhud qal li wasal ħdejn il-vetttura li kienet ġo binja, pparkjata wiċċa ‘l barra bil-bagoll miftuh ġewwa nett tal-garaxxijiet u ma’ l-art ma ġenbha kien hemm it-travetti; fuq il-vettura kien hemm trab relatat mat-travetti. Fuq il-post mal-Pulizija kien ukoll iż-żewġ imputati.
Mill-provi rriżulta li meta l-imputati ndunaw bil-Pulizija, Bejaoui beda miexi lejhom u kkonfrontahom u beda jgħdilhom “x’ġara?”. Sadanittant l-imputat l-ieħor Scerri kien qed jilgħab mal-lock tal-vettura. Mistoqsi x’kienu qed jagħmlu hemm dak il-ħin Bejaoui rreaġixxa billi jistqsi “ma nistgħux inkunu hawn?”.
Mistoqsi jekk kellux xi garaxx hemm Bejaoui qal li le. Il-kunstistabbli Matthew Camilleri qal li huma għamlu ronda u f’bitħa garaxxijiet, fuq wara nett, u lemħu l-vettura u żewġ rġiel. Scerri kien wara tal-vettura qed jagħlaq il-bagoll, u Bejaoui kien kokka qed jagħmel xi ħaġa hdejn il-bieba tal-passiġġier.
Mistoqsija x’kienu qed jagħmlu hemm l-imputati qalu li kienu hemm minħabba l-garaxxijiet u ż-żwiemel; pero żwiemel ma kellhomx. Ix-xhud ikkonferma li ma’ l-art wara l-vettura kien hemm travetti. Dawn it-travetti ttieħdu mill-Pulizija.
L-għada fil-għodu sar kuntatt ma’ wieħed mis-sidien tas-sit ta’ kostruzzjoni minn fejn ittieħdu t-travetti, Josef Grima, u wara li għaraf it-travetti bħala tiegħu, ġew mgżoddija lilu.
Irriżulta li Annise Bejaoui kien obbligat jiffirma kuljum l-għassa tal-Ħamrun, u hekk kien qed jagħmel, u kien obbligat ukoll ikun id-dar sa nofs il-lejl.
Fil-lejl ta’ waqt is-serqa huwa kien barra fil-11.45pm. Qal li kieku ma arrestawhx il-Pulizija huwa kien jilħaq jasal id-dar sa nofs il-lejl, xi ħaġa li l-Qorti ma tantx emmnet.
Aktar minn hekk il-karozza ta’ Scerri kellha l-problemi biex tistarjta, dejjem skont ma’ qalu l-imputati stess. Dwar il-piena l-Qorti hadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati li tagħhom instabu ħatja, u l-kondotta kkullurita tagħhom.
Il-Qorti ordnat ukoll lil Annise Bejaoui biex iħallas is-somma ta’ €10,000 li kienet imposta bħala garanzija personali. Minn xhieda tal-Ispettur Roderick Agius ingħad li t-tnejn kienu ilhom xhur barra mill-ħabs u kienu dipendenti fuq id-droga li deher li huma ma kellhomx ir-rieda tal-forza biex jegħlbu darba għal dejjem din il-problema.
//= $special ?>