Futbol Sport

Atalanta jkomplu jirbħu u jikkonvinċu

(Ritratt: EPA)

Atalanta kisbu l-għaxar rebħa fl-aħħar 12-il logħba meta din id-darba ġabu fix-xejn lil Brescia u rebħu d-derby 6-2. Din ir-rebħa tfisser li t-tim ta’ Giampiero Gasperini jinsab waħdu fit-tieni post, sitt punti bogħod minn Juventus filwaqt li Brescia komplew jersqu lejn ir-relegazzjoni matematika.

Atalanta damu biss minuta u nofs biex fetħu l-iskor b’xutt fil-baxx ta’ MARIO PASALIC iżda Brescia ġabu d-draw fit-tmien minuta meta ERNESTO TORREGROSSA ħa vantaġġ minn żball ta’ Mattia Caldara u għeleb lil Marco Sportiello b’xutt fil-baxx.

Il-Bergamasci reġgħu marru minn fuq fil-25 minuta b’xutt sabiħ għar-rokna ta’ MARTEN DE ROON. Tliet minuti wara RUSLAN MALINOVSKY għamel l-iskor 3-1 b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa biex DUVAN ZAPATA skorja r-raba’ gowl żewġ minuti wara b’daqqa ta’ ras mill-kaxxa ż-żgħira.

MARIO PASALIC kompla jkabbar il-vantaġġ fil-55 minuta wara li rċieva passaġġ vertikali biex l-istess MARIO PASALIC għaqqad it-tripletta personali tliet minuti wara b’xutt fil-baxx mill-kaxxa. NIKOLAS SPALEK naqqas id-distakk fit-83 minuta wara żball fid-difiża ta’ Atalanta.