Lokali

Edwin Lopez huwa l-persuna li tilef ħajtu fl-inċident tal-bieraħ

Is-sewwieq ta’ mutur li tilef ħajtu traġikament wara li kien involut f’inċident ma’ karozza fi Triq l-Irvellijiet 1956 f’Raħal Ġdid hu Edwin Lopez ta’ 48 sena residenti San Pawl il-Baħar.

Lopez, li huwa minn Pasig, fil-Filippini, kien ukoll miżżewweġ u kellu erbat itfal.

Lopez għamel żmien jaħdem bħala xufier tal-linja u fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu kien hemm il-kumpanija li kien jaħdem magħha flimkien ma numru kbir ta’ eks kollegi tiegħu.

Lopez sfortunatament tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei, wara li ħabat ma’ vettura tat-tip Landrover misjuqa minn raġel ta’ 37 sena residenti Raħal Ġdid. L-inċident traġiku seħħ ilbieraħ fl-4.15pm.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid rigward dan il-każ għadhom għaddejjin.